Inutli nbiddlu l-qoxra ta’ barra u nħallu t-taħsir ta’ ġewwa – Bartolo

Read in English.

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo qal li fit-tibdil li qed jagħmel il-Partit Laburista, ikun inutli li tinbidel il-qoxra ta’ barra, iżda jinżamm it-taħsir ta’ ġewwa.

Fuq Facebook dalgħodu l-Ministru kiteb dwar it-tibdil li għaddej minnu l-Partit Laburista, li beda meta l-eks Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar ir-riżenja tiegħu f’Diċembru li għadda, u t-tmun għaddieh f’idejn il-Mexxej tal-PL u l-Prim Ministru attwali Robert Abela. Din il-ġimgħa rat bidla oħra fit-tmexxija tal-Partit, bir-riżenja ta’ Chris Cardona minn Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit.

Il-Ministru Bartolo, li ta’ sikwit ileħħen ħsibijietu fuq il-midja soċjali, kiteb li t-tiġdid fil-Partit irid isir mhux billi jsir ftit irtukkar ‘l hawn u ‘l hinn biex titgħatta l-kruha, mhux billi jinħarġu slogans ġodda addattati għaż-żminijiet, jew b’sempliċiment rebranding. Stqarr li l-pajjiż kollu għandu bżonn tiġdid morali, imma spjega kif is-snin fil-Gvern urew li l-Partit Laburista jeħtieġ boxxla morali biex tiggwidah bil-valuri tal-onestà u s-serjetà.

Issokta jgħid, “Ma nistgħux inkunu karozza tal-ġiri bla brejkijiet u bla GPS. Ma nistgħux inkunu l-paraventu li warajna jinħbew erba’ nies tal-flus bla skruplu jaħtfu l-ġid u l-istituzzjonijiet tal-pajjiż għall-interessi personali tagħhom.”

Il-jum it-tajjeb.Qed nghidu li rridu niggeddu bhala Partit Laburista.Bis-serjeta`?Basta mhux billi sempliciment…

Posted by Evarist Bartolo on Saturday, June 20, 2020

Kliem Bartolo huwa riflessjoni wkoll fuq l-aħbarijiet li ħarġu fl-aħħar jumejn, peress li investigazzjoni konġunta bejn Reuters u Times of Malta żvelat li l-kumpanija 17 Black, li sidha huwa Yorgen Fenech, għamlet profitt ta’ €4.6 miljun mhux iddikjarat minn wind farms f’Montenegro mixtrija mill-Enemalta. Fenech jinsab akkużat li huwa l-moħħ wara l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, u bħalissa għaddejjin proċeduri fil-qorti fil-konfront tiegħu.

Dwar dan l-iskandlu, Bartolo lbieraħ kiteb li Malta tinsab f’eklissi politiku. Sostna li min hu involut għandu jwarrab, inkella l-Prim Ministru Robert Abela ma jkollux għażla ħlief li jieħu azzjoni.

Fil-proċeduri fil-qorti b’rabta mal-assassinju tal-ġurnalista wkoll kemm-il darba qed jissemma l-eks Ministru Chris Cardona, li tilef postu fil-Kabinett meta Abela ħa r-riedni f’Jannar. F’April, imbagħad, Cardona rreżenja minn Membru Parlamentari, u din il-ġimgħa anke minn Deputat Mexxej tal-Partit Laburista. Il-Prim Ministru Robert Abela qal li talbu hu stess biex iħalli l-kariga peress li ismu baqa’ jitfaċċa fil-qorti.

Cardona kien u għadu jisħaq li hu ma kellu l-ebda involviment fl-assassinju, u li sar frame-up fuqu.