Introdotta l-ewwel skema tal-pensjoni tat-tielet pilastru

Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna ħabbar l-introduzzjoni tal-ewwel skema tal-pensjoni tat-tielet pilastru għall-pensjoni privata volontarja filwaqt li enfasizza li għadu ma wasalx iż-żmien għal skemi obbligatorji.
Dan l-ewwel prodott huwa tal-MSV Life bl-isem ta’ MSV Personal Pension Plans.
Il-Ministru għall-Finanzi qal li l-Gvern se jkun qed jintroduċi inċentivi skont il-ħtiġijiet tas-suq biex jiżgura li din l-inizjattiva tirnexxi.
Ħabbar li fil-jiem li ġejjin se titwaqqaf task force li tara kif jistgħu jittieħdu inizjattivi simili bi skemi fil-postijiet tax-xogħol.
Il-Ministru Scicluna rrimarka li kull min għadu żgħir fl-età għandu jirrealizza li jekk irid li meta jirtira jibqa’ jkollu kwalità ta’ ħajja tajba, jeħtieġ li jara li mal-pensjoni li jirċievi mill-Istat ikollu wkoll pensjoni privata tal-għażla tiegħu.

Ritratt: DOI – Pierre Sammut