Addottati l-proposti ta’ Sant dwar il-VAT

Il-Kumitat ECON appoġġja l-proposti tal-MEP Alfred Sant li jistipulaw li l-fatturat massimu biss għandu jiġi stabbilit għall-eżenzjoni għal intrapriżi żgħar.

Il-Kumitat tal-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tal-Parlament Ewropew (ECON) addotta bosta miżuri ġodda dwar L-Iskema tal-Eżenzjoni tal-VAT għall-intrapriżi żgħar fl-Unjoni Ewropea kollha. Uħud minn dawn il-miżuri kienu proposti mill-MEP Alfred Sant, li hu x-Shadow Rapporteur għall-Grupp tal-S&D f’dan il-kumitat.

ECON adotta wkoll l-emendi ta’ Alfred Sant favur l-SMEs li jaqbżu l-limitu ffissat għall-eżenzjoni f’sena partikolari. Il-Kummissjoni pproponiet li malli dan iseħħ, l-eżenzjoni tieqaf. Sant ippropona li dan jiġri jekk il-limitu jinqabeż b’sentejn wara xulxin sabiex jiġu miġġielda l-impatti irregolari jew fatturi staġjonali fuq l-intrapriżi.

L-Iskema taġġorna l-arranġamenti eżistenti għall-intrapriżi żgħar u medji għall-eżenzjoni tagħhom minn ċertu obbligi ta’ VAT li huma ta’ piż għalihom. Is-sistema teżenta wkoll lill-intrapriżi li jibdew jesportaw.

Fi stqarrija mill-uffiċċju ta’ Dr Sant, ingħad li dawn l-aġġornamenti jagħmluha iktar faċli biex l-intrapriżi joperaw f’ekonomiji żgħar bħal dawk ta’ Malta u Għawdex, kif ukoll sabiex jinvolvu ruħhom fil-kummerċ ma’ pajjiżi oħra tal-UE, permezz ta’ estensjoni tal-iskema ta’ eżenzjoni.

Ir-rapport mistenni li jiġi diskuss fil-Parlament Ewropew f’Settembru.