Intrapriżi f’Malta b’interess biex jifirxu l-orizzonti kummerċjali fil-Ghana

23 intrapriża bbażata f’Malta wrew interess li jifirxu l-orizzonti kummerċjali tagħhom fil-Ghana, pajjiż fl-Afrika tal-Punent.
Dan ħabbru l-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ, Carmelo Abela, waqt konferenza tal-aħbarijiet li fiha tnediet l-ewwel edizzjoni tal-Malta International Business Awards organizzata minn Trade Malta.
Iż-żjara esploratorja għall-promozzjoni tal-kummerċ fil-Għana se tiġi organizzata mill-Ministeru msemmi flimkien ma’ Trade Malta, u se ssir bejn il-25 u t-28 ta’ Lulju.
Sadanittant, il-Ministru Abela qal li fl-ewwel edizzjoni tal- Malta International Business Awards se jiġu ppremjati dawk in-negozji bbażati f’Malta li jeċċellaw fl-isforzi tagħhom biex jesportaw u biex jespandu internazzjonalment.
“Il-kumpaniji li huma bbażati f’Malta kienu għadhom mhux jingħataw ir-rikonoxximent li jistħoqqilhom għall-isforzi li jagħmlu biex jesportaw il-prodotti jew is-servizzi tagħhom, jew meta jkunu qed jippruvaw ikabbru n-negozju tagħhom barra minn pajjiżna”, qal il-Ministru Abela. “Dawn il-premjijiet, allura, se jkunu pjattaforma importanti li se tagħmel tajjeb għal dan in-nuqqas”.
Il-premjijiet jingħataw f’ċerimonja fl-10 ta’ Novembru.
Ritratt: DOI – Francis Micallef