“Intom ta’ eżempju għall-ħajja spiritwali” – L-Isqof Grech lis-sorijiet

L-Isqof Mario Grech awgura lis-sorijiet Agostinjani ta’ Santa Monika talli għalqu 125 sena jwettqu x-xogħol siewi tagħhom f’Malta, u faħħarhom talli jagħtu eżempju lill-Maltin bil-ħajja spiritwali interjuri tagħhom. Fl-omelija li għamel fil-quddiesa tal-okkażjoni, l-Isqof Grech insista fuq l-importanza tal-ispiritwalità. Is-sorijiet għamlu pellegrinaġġ s’Għawdex biex ifakkru dan l-anniversarju.

Ritratti: Is-sorijiet idoqqu u jkantaw biex jiċċelebraw il-125 sena anniversarju

Huwa qal li bħalma llum il-ġurnata hawn ikkowċjar għal kull passatemp, għaż-żfin, għall-kant, għall-isport, hekk ukoll teħtieġ ikkowċjar l-ispirtwalità, teħtieġ għajnuna esterjuri għall-interjorità. Tkellem kontra l-mentalità li nfendu għal rasna fl-ispiritwalità. Fisser kif anke Marija kellha bżonn għajnuna u sapport għall-ispiritwalità tagħha meta ntgħażlet biex tkun omm Ġesù, u dan is-sapport sabitu minn San Ġużepp.

Sabiex wieħed iqawwi l-ispiritwalità tiegħu, l-Isqof issuġġerixxa li jidħol fih innifsu, għax “il-Verità tinsab fina, fil-qalb tagħna.” Parir ieħor tal-Isqof Grech huwa li wieħed idur lejn Marija għall-għajnuna f’din is-Sena Marjana. Kienet propju għal din ir-raġuni li Marija ntgħażlet minn Alla, għax kienet “mara ta’ ħajja interjuri.”

L-Isqof Grech temm jgħid li l-komunità Nisranija Maltija għandha bżonn lis-sorijiet Agostinjani, għax ifakkruha fil-primat tal-ħajja interjuri. Waqt din il-quddiesa, is-sorijiet ippreżentaw kwadru tal-Madre fundatriċi Sr Maria Teresa Spinelli lill-Isqof.