“Intom it-tarka ta’ pajjiżna” – Delia lill-AFM

Il-Kap tal-PN Adrian Delia qal li s-suldati tal-AFM huma t-tarka ta’ Malta.

Fi stqarrija l-PN qal li l-Kap tal-Partit Adrian Delia llum żar il-Forzi Armati ta’ Malta (AFM) biex jirringrazzjahom tal-ħidma tagħhom.

“Intom it-tarka ta’ pajjiżna. Malta troddilkom ħajr. Kull wieħed u waħda minnkom tirriskjaw ħajjitkom u saħħitkom sabiex tipproteġu lil pajjiżna u lilna lkoll. Tagħmlu dan b’sagrifiċċju kbir, ħafna drabi ‘l bogħod mill-familji tagħkom. Grazzi. Grazzi mill-qalb. Intom l-Armata ta’ Malta,” qal Delia.

Skont il-PN, il-Brigadier Jeffrey Curmi flimkien ma’ uffiċjali għolja oħra tal-armata spjegaw lil Adrian Delia dwar kif joperaw it-taqsimiet differenti tal-Forzi Armati, kif ukoll urewh ir-riżorsi li jaħdmu bihom l-iskwadri marittimi u dawk tal-ajru.

Delia qal li l-poplu Malti jagħraf is-sehem kruċjali tal-Armata Maltija sabiex tħares is-sigurtà ta’ Malta.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni spjega kif l-Oppożizzjoni tappoġġja l-inċentiv finanzjarju  li se jingħataw is-suldati Maltin li qed jagħtu servizz kruċjali f’mument tant straordinarju. Ħeġġeġ lill-Gvern biex jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex iħares is-saħħa  tal-membri tal-Forzi Armati billi jipprovdilhom tagħmir mediku protettiv meħtieġ halli jipproteġu saħħithom quddiem l-imxija tal-COVID-19.

Adrian Delia żar l-Iskwadra Marittima f’Haywharf, l-Iskwadra tal-Ajru f’Ħal Luqa u ċ-ċentru fejn iltaqa’ mal-għassa u mar-Reġiment Numru Wieħed f’Lyster Barracks f’Ħal Far. Matul din iż-żjara, l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia kien akkumpanjat mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Beppe Fenech Adami.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn