“In-nisrani ma jistgħax jgħix bi-ħsieb li jpattiha u jirritalja. L-ugwaljanza fil-vjolenza hi dejjem gwaj li ma jintemm qatt u l-prezz tiegħu hu għoli ħafna. Għalhekk hemm bżonn infittxu triq oħra għax il-popli għandhom dritt għall-paċi. Intom għandkom dritt għall-paċi”
Hekk iddikjara l-Papa Franġisku fl-Omelija tal-Quddiesa li ċċelebra nhar il-Ġimgħa li għadda f’Zimpeto fil-Mozambique taħt xita kontinwa li ma qatgħetx qalb folla ferrieħa li attendiet, kantat żifnet u tat merħba kbira lill-Kap tal-Knisja Kattolika.
“Ebda familja, ebda grupp ta’ ġirien, ebda grupp etniku, aktar u aktar ebda pajjiż m’għandu future, jekk il-mutur li suppost jgħaqqad u jnaqqas id-differenzi jkun il-vendetta u l-mibegħda”, qal il-Papa. Għall-kuntrarju, hu stieden biex “nitrattaw lill-oħrajn bi ħniena u tjubija kif nixtiequ li nkunu trattati aħna”.
Li tħobb u tagħmel is-sewwa
Din mhux “imġieba ta’ min hu dgħajjef imma ta’ min hu b’saħħtu”. Din mhux sejħa għal attiviżmu sfrenat imma sejħa biex nagħtu attenzjoni lil ħaddieħor. Dan hu l-aqwa termometru biex niskopru d-diversi ideoloġiji li jippruvaw jistrumentalizzaw lill-fqir u joħolqu sitwazzjonijiet inġusti għal interessi politiċi jew personali.
“Li tħobb u tagħmel it-tajjeb hu ħafna aktar milli tinjora lill-persuna li weġġgħatna jew li naraw li ma jerġax ikollna x’naqsmu magħha. Dan hu kmandament ta’ tjubija attiva, disinteressata u straordinarja, lejn dawk li għamlulna l-ħsara. Dan ifisser inħobbu lil xulxin, ngħinu lil xulxin u nisilfu lil xulxin bla ma nistennew xejn lura”.
Barra minn hekk, il-Papa wissa’ lill-pajjiż biex ikun attent “għal dawk li jersqu lejna jippretendu li jgħinuna imma jkollhom interessi oħra. Dan hu ta’ niket meta’ jiġri fost l-aħwa tal-istess pajjiż meta wħud ikunu korrotti. Hu perikoluż li wieħed jaċċetta li dan il-prezz li għandu jitħallas għall-għajnuna barranija”, żied iwissi Papa Franġisku.