“Intom bħall-karozza li teħel fit-tajn u b’imbuttatura taslu”

Il-President tal-Ahmadiyya Muslim Jamaat Malta, l-Imam Laiq Ahmed Atif, waqt iż-żjara tiegħu fil-komunitajiet terapewtiċi kontra l-abbuż tad-droga qal li, ir-residenti li huma “bħal dik il-karozza li teħel fit-tajn, li jekk issib min jimbuttaha se toħroġ mit-tajn u tkompli fil-vjaġġ tagħha u tasal f’dik id-destinazzjoni li tixtieq.” Żied li, ‘F’dik id-destinazzjoni tasal bi sforz min-naħa tiegħek u b’ħafna mħabba minn dawk ta’ madwarek,’ filwaqt li fakkar li l-ħajja sabiħa u wieħed irid jagħmel l-aħjar possibbli minnha.

L-għan ta’ din iż-żjara kull sena huwa biex iwassal messaġġ pożittiv lir-residenti kif ukoll li juri solidarjetà għall-fatt li s-soċjetà mhux dejjem tħares lejhom b’mod pożittiv. Matul din iż-żjara, l-Imam qassam diversi rigali lir-residenti.

Waqt din iż-żjara, l-Imam kien milqugħ mid-Direttur ta’ Caritas Malta Anthony Gatt, il-Kordintar tas-Servizzi tal-Fondazzjoni mill-abbuż tad-droga, Joshua Aquilina, il-Heads tal-Komunitajiet u wkoll Staff flimkien mar-residenti ta’ diversi djar f’San Blas inkluż tan-nisa.

Min-naħa tagħhom ir-residenti laqgħu din iż-żjara b’mod pożitiv għax għalihom dan huwa turija ta’ solidarjetà u messaġġ sabih ta’ kif is-soċjetà għandha tħares lejn il-persuni li għaddew minn esperjenzi simili tagħhom.

Id-Direttur ta’ Caritas Malta, Anthony Gatt, spjega li din il-laqgħa tfisser ferm għal Caritas għax hija l-umanità li tgħaqqad u dan il-messaġġ għandu jasal għand is-soċjetà biex inkunu ġens maqgħud.