Intimations – wirja f’Għawdex

L-artist Għawdxi Aaron Formosa se jtella’ wirja ta’ arti sagra bl-isem ta’ Intimations fil-Banka tal-Ġurati, fi Pjazza Indipendenza, ir-Rabat Għawdex.

It-tema hi l-eżistenza umana fid-dawl tal-fidi jew fid-dawl ta’ Kristu – id-dwal spiritwali li jdawwal il-kundizzjoni umana. Din tal-aħħar tista’ tiġi illuminata jekk il-bniedem bir-rieda ħielsa tiegħu jħalli dan id-dawl jillumina d-dlam tal-eżistenza tiegħu.

Permezz ta’ din il-wirja, l-artist irid joffri idea ġdida ta’ arti sagra; interpretazzjoni personali ta’ episodji Bibbliċi u narrattivi reliġjużi – interpretazzjoni xi ftit differenti minn dik li normalment insibu fil-knejjes lokali u postijiet oħra ta’ talb.

L-intenzjoni hi dik li jagħti ħjiel – għalhekk ‘intimations’ – ta’ emozzjonijiet spiritwali. Il-kwadri kollha mpoġġija ħdejn xulxin jitrażmettu din it-tip t’atmosfera li l-artist jixtieq li din tkun assorbita mill-pubbliku li jmur jara din il-wirja.

L-esibizzjoni se tinfetaħ uffiċjalment mill-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana nhar il-Ġimgħa 2 ta’ Novembru. Tibqa’ miftuħa sal-25 tax-xahar.

Il-wirja tkun miftuħa bejn it-Tnejn u l-Ġimgħa mit-8am sas-2.30pm; u s-Sibt u l-Ħadd bejn id-9am u nofsinhar.