Inti tista’ tgħin biex l-oħrajn ikollhom kwalità ta’ ħajja aħjar – Il-President

OPR

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca qalet li wieħed jista’ jgħin lill-Maltin ikollhom kwalità ta’ ħajja aħjar billi jirreġistra fir-reġistru tad-donaturi tal-organi.

Fi stqarrija l-President qalet li ltaqgħet ma’ 25 ċiklist li qed jitħarrġu għall-Foster Clark’s LifeCycle Challenge. Il-President qalet li mhemmx kliem biżżejjed biex turi l-apprezzament tagħha lejn il-parteċipanti “meta b’sens qawwi ta’ volontarjat u solidarjetà, permezz tas-sehem tagħhom f’din l-isfida, qed itaffu t-tbatija” tal-Maltin u Għawdxin, li jiġu bżonn il-faċilitajiet tar-Renal Unit fl-Isptar Mater Dei.

Il-President Coleiro Preca faħħret lill-isponsor prinċipali u lill-Fondazzjoni LifeCycle talli qegħdin ukoll jinvestu fir-riċerka. Il-fondi li qed jinġabru se jmorru għall-ħtiġijiet u l-kura ta’ pazjenti b’mard tal-kliewi. Barra minn tagħmir li jsalva l-ħajja u faċilitajiet imtejba, min-naħa tagħha LifeCycle qed tisponsorja t-Twilight Shift Van li jittrasporta pazjenti minn u lejn l-Isptar Mater Dei għad-dijalisi tagħhom ta’ filgħaxija, kif ukoll tisponsorja l-programm ta’ tqabbil tas-software imsejjaħ Traccia li jiddetermina minn ikun l-aħjar benefiċjarju għal kull kilwa li tkun offruta.