Inti tgħix mingħajr mowbajl?

Jidher li l-maġġoranza tal-popolazzjoni Maltija ma tgħix mingħajr mowbajl hekk kif 3% biss jidher li ma għandhomx abbonament għal servizz tal-mowbajl.

Dan ħareġ minn stħarriġ li għamlet il-Malta Communications Authority dwar il-perċezzjoni tal-konsumaturi fuq is-servizzi tal-mowbajl.

It-3% li ma jużawx mowbajl jidher li huma fil-maġġoranza ta’ 65 sena jew aktar. Skont l-istħarriġ, meta ġew mistoqsijja r-raġuni għalfejn ma għandhomx mowbajl huma sostnew li ma ħassewx il-ħtieġa li jkollhom dan is-servizz jew irrimarkaw li għalihom dan is-servizz huwa wisq ikkumplikat.

Ħareġ ukoll li 66% ta’ dawk li għandhom servizz tal-mowbajl, qalu li jużaw smartphone. Għaldaqstant, nofs il-parteċipanti tal-istħarriġ li qalu li għandhom jużaw mowbajl bażiku qalu li ma jħossux il-ħtieġa li jaqilbu għal smartphone għax diġa’ moqdija tajjeb jew għax wisq ikkumplikat.

Min-naħa l-oħra, 91% tal-parteċipanti fl-istħarriġ wieġbu li jinsabu sodisfatti bis-servizz tal-operaturi abbonati miegħu, filwaqt li kienu 25 biss li mhumiex sodisfatti bis-servizz.