Inti rċevejtu ċ-ċekk tal-Gvern?

Għadd ta’ persuni bdew jirċievu ċ-ċekk tal-Gvern imwiegħed mill-Gvern fid-Diskors tal-Baġit tal-2019.

Din hija t-tieni sena konsekuttiva li qed jitqassam dan ċekk li jtaffi ftit mill-piż tat-taxxa fuq ix-xogħol. Il-miżura hi mmirata għal dawk in-nies li għandhom dħul inqas minn €60,000 fis-sena u se tiswa l-Gvern €11.4 miljun.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret il-ġimgħa li għaddiet, il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna qal li ċ-ċekkijiet kienu se jibdew jitqassmu mil-lum u sostna li wieħed għandu jistenna ġimgħa qabel ma jibda jċempel lid-dipartiment.

Aqra: Filmat: Mill-ġimgħa d-dieħla se jerġgħu jitqassmu ċ-ċekkijiet

Persuna li mhux miżżewġa se tkun qed tirċievi ċekk ta’ €40, €50 jew €60, jiddependi d-dħul tagħha. Dawk li mhux qed iħallsu taxxa se jirċievu €60 u l-ammont dejjem jinżel jiddependi d-dħul tal-persuna. Dan japplika għall-persuni li jirċievu inqas minn €60,000.

Persuni miżżewġa se jirċievu €44, €56 u €68 jiddependi d-dħul tal-koppja. Dawn iċ-ċekkijiet ivarjaw jekk persuna tkun ġenitur. Din is-sena l-baġit għal din il-miżura hu ta’ €11.5 miljun u se jkunu qed jibbenefikaw aktar minn 200,000 persuna.

Kif  tista’ tikkalkula kemm se tieħu?

Is-sena l-oħran, Newsbook.com.mt kien għamel numru ta’ mistoqsijiet lill-Ministeru għall-Finanzi dwar din is-sistema. Meta mistoqsi kif jiġi kkalkulat kemm wieħed se jirċievi f’dan iċ-ċekk, il-kelliem għall-Ministeru spjega li l-ħlas se jkun ikkalkulat fuq id-dħul tal-individwu, speċifikament fuq kemm iddikjara li daħħal paga mill-impjieg tiegħu.

It-tabella t’hawn taħt tispjega aħjar il-mod ta’ kif jinħadem it-tax refund:

Aqra: Iċ-ċekk tal-Gvern: Min se jieħdu? Min le?