Intervista mal-coronavirus

Read in English.

Dawn il-ġranet qed insib ruħi nirrifletti ħafna, nipprova nsib raġuni, għax bilfors li hemm xi raġuni għalfejn qed ngħixu din is-sitwazzjoni tant assurda li f’daqqa waħda sibna ruħna fiha. 

Din l-interevista immaġinarja hija mibnija fuq riflessjoni ta’ Danilo Calabrese li xxandret fuq filmat li qed jiċċirkola fuq l-internet.

F’din l-intervista qed nimmaġina x’ irid jgħid il-virus li kieku jista’ jitkellem. 

X’jismek? 

Insellmilkom, jiena Covid-19. Ħafna minnkom tafuni biss bħala l-‘coronavirus’ – iva, jien hu. 

Fejn kont qabel? Għalfejn qatt ma’ smajna bik?

Jiddispjaċini li ma tantx avżajtkom minn qabel dwar il-wasla tiegħi, imma ma nistax niżvela l-ħin, il-forma jew il-qawwa li bihom se nitfaċċa f’ħajjitkom. 

Tapprezza li qed tħalli effett devastanti fuq ħafna? Għaliex qed tagħmel hekk?

Ejjew ngħidu biss li kontu għejjejtuni, ma flaħtx narakom aktar tmorru lura minflok tevolvu. Xbajt narakom tirrovinaw lilkom infuskom b’idejkom. Xbajt nara n-nuqqas ta’ rispett li għandkom lejn il-pjaneta. Ma flaħtx aktar il-mod li bih taġixxu ma’ xulxin. Xbajt mill-inġustizzja, mill-vjolenza, mill-gwerer, mill-kunflitti u mill-preġudizzji li għandkom. Għejjejtuni bl-għira soċjali u bir-regħba tagħkom, l-ipokrisija u l-egoiżmu. 

Ftehmna. Imma x’kiddek l-iktar?

Xbajt nara kemm ma tiddedikawx ħin għalikom infuskom u għall-familji tagħkom. Xbajt nara kemm ma tiddedikawx ħin għal uliedkom. Għejjejt bis-superfiċjalità tagħkom – l-importanza li tagħtu lill-affarijiet trivjali, filwaqt li tinsew dak li hu l-aktar importanti fil-ħajja. Għejjejt narakom tfittxu l-isbaħ libsa, jew l-aqwa smartphone jew l-akbar karozza, il-ħin kollu u b’mod ossessiv, dan kollu biex turu kemm qed tirnexxu f’ħajjitkom. 

Imma dan mhux dejjem kien jeżisti? 

Xbajt mit-tradimenti tagħkom, min-nuqqas ta’ informazzjoni li tagħtu lil xulxin, mill-ftit ħin li tiddedikaw biex tikkomunikaw flimkien. Għejjejtuni wisq teqirdu kontinwament dwar ħajjitkom mingħajr ma tagħmlu xejn biex ittejbu s-sitwazzjoni tagħkom.  Xbajt narakom targumentaw dwar kwistjonijiet inutli. Xbajt bl-attakki kontinwi bejn dawk li jiggvernaw fuqkom, u bid-deċiżjonijiet ħżiena ta’ dawk li suppost qed jirrapreżentawkom. Għejjejtuni narakom tiġġieldu u tinsultaw lil xulxin minħabba xi logħba futbol. 

Imma għaliex qed tgħakkes lil min hu l-iktar fil-bżonn u vulnerabbli b’dak li qed tagħmel?

Naf, qed inkun iebes ħafna. Forsi anke wisq. Imma jien ma nħares lejn wiċċ ħadd, għax jiena virus. Il-firxa tiegħi se tiswa ħafna ħajjiet. Imma rridkom tifhmu darba għal dejjem li tridu tbiddlu d-direzzjoni, għal ġid tagħkom stess.

U issa? B’daqshekk. X’hadt? 

Il-messaġġ li rrid inwassal huwa sempliċi ħafna, xtaqt nurikom il-limitazzjonijiet kollha tas-soċjetà sabiex tkunu tistgħu teliminawhom. Ridt li nwaqqaf kollox, sabiex tifhmu li ħaġa waħda biss hija importanti: il-ħajja. Il-ħajja tagħkom u dik ta’ uliedkom. U dak kollu li għandkom bżonn biex tipproteġuha, tieħdu ħsiebha, u taqsmuha ma’ ħaddieħor. Ridt li tiżolaw lilkom infuskom, il-bogħod mill-ġenituri u n-nanniet tagħkom, minn uliedkom u ulied uliedkom. Sabiex tkunu tistgħu tifhmu l-importanza ta’ tgħanniqa, tal-kuntatt uman, tad-djalogu, ta’ meta tieħdu b’id xulxin, ta’ serata li tgħaddu mal-ħbieb, ta’ mixja fit-triqat tal-villaġġ tagħkom, ta’ ikla f’ristorant jew ġirja fil-park. Kollox irid jerġa’ jibda mill-ġdid minn dawn l-azzjonijiet żgħar.

Kulħadd jittama li xi darba titlaq u tħallina bil-kwiet. X’ser ikun il-legat tiegħek għajr il-qerda, tbatija u flaġell? 

Intom kollha l-istess, tagħmlu l-ebda distinzjoni bejnietkom. Urejtkom li d-distanza ma teżistix. Ivjaġġajt kilometru wara kilometru fi żmien tassew qasir, mingħajr ma biss indunajtu bija. 

M’inix se nibqa’ hawn, imma rridkom tibqgħu tiftakru u tipprattikaw għal dejjem is-sentiment ta’ għaqda u ta’ kollaborazzjoni li ħloqt fostkom fi żmien tant qasir.

Għixu ħajjitkom bl-aktar mod sempliċi: imxu, ħudu nifs qawwi, kunu ġentili u agħmlu azzjonijiet tajbin, għax il-ġentilezza dejjem titħallas lura bl-interessi, gawdu n-natura, għamlu dak li jogħġobkom u li jissodisfakom. Oħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa għalikom infuskom biex tagħmlu dan, ħalli ma jkollkom għalfejn tiddependu fuq xejn aktar.

Meta tiċċelebraw, jien ma nkunx aktar magħkom. Imma ftakru, żommu l-aħjar verżjoni tagħkom infuskom anke wara li nkun tlaqt. 

Saħħa.

Grazzi 

Il-filmat li isipira din l-intervista immaġinarja