Intervista: “L-esperjenza li għandi fl-Ewropa, għad-dispożizzjoni tal-PN”

Fost il-lista ta’ kandidati li ġew approvati mill-Partit Nazzjonalista, l-Eżekuttiv approva l-kandidatura ta’ Dr Peter Agius. Newsbook.com.mt għamel intervista ma’ Peter Agius waqt is-sessjoni plenarja ta’ Strasburgu.

Peter Agius kien l-ewwel Malti li fl-2002 beda jaħdem mal-istituzzjonijiet Ewropej. Huwa kien l-ewwel Malti li beda jagħmel dan ix-xogħol fejn bħala avukat fis-servizzi legali tal-Kunsill Ewropew, ġie fdat bin-negozjati tal-liġijiet Ewropej fl-oqsma tal-konsumatur, l-ambjent, il-farmaċewtika, l-istandards tal-prodotti, il-gaming u s-servizzi.

Fl-2012 nħatar bħala Kap tal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta u fil-preżent huwa membru tat-tim tal-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani fejn xogħlu huwa li jagħti l-pariri politiċi lill-President u jikteb id-diskorsi tiegħu.

It-tema tal-kampanja tiegħu għall-elezzjonijiet Ewropej hija: Rebbiegħa li Jmiss

Kif taħseb li se tkun ta’ asset għall-Partit Nazzjonalista fl-elezzjonijiet Ewropej ta’ Mejju li ġej?

Is-70 sessjoni plenarja li qed nattendi

Din hija l-Plenarja ta’ Strasbugu. Din hija s-70 sessjoni plenarja li qed nattendi bħala uffiċjal pubbliku Ewropew. Kont Kap tal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta, qabel kont inkarigat min-negozjati ta’ diversi liġijiet Ewropej u issa qiegħed mal-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani.

L-esperjenza li għandi fl-Ewropa, għad-dispożizzjoni tal-PN

Din l-esperjenza, dawn il-lezzjonijiet kollha li tgħallimt f’16-il sena naħdem fl-istituzzjonijiet Ewropej jiena ser nipprova npoġġihom għad-dispożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista u tal-pajjiż għaliex tgħallimt fl-Ewropa li trid taħdem ma’ ħaddieħor. Tgħallimt li trid tistudja, u studjajt ħafna biex stajt nagħti l-pariri lill-President tal-Parlament Ewropew, President tal-Kunsill Ewropew u diversi Presidenti li jinbidlu kull sitt xhur fil-Kunsill Ewropew.

Tgħallimt li nkun ippreparat, edukat u li naħdem ma’ ħaddieħor

Allura dak li tgħallimt u dak li hija l-atitudni tiegħi hi li trid tkun preparat, li tkun edukat u li taħdem ma’ ħaddieħor se nipprova npoġġihom għad-dispożizzjoni ta’ din il-kampanja biex flimkien nagħtu alternattiva.

Fil-pajjiż bħalissa għaddejjin żmien ta’ tkabbir ekonomiku iżda fejn il-Gvern jagħtik xi ħaġa iżda joħodlok xi ħaġa oħra. Jagħtik it-tkabbir ekonomiku u aktar xogħol, imma hemm inqas kwalità tal-ħajja, anqas kwalità tal-arja, anqas kwalità tal-baħar, anqas ħin għall-familja, għax jekk inti titlef 50 siegħa fit-traffiku fis-sena, dawk huma anqas ħin għad-delizzji u għall-familja tiegħek.

Il-Gvern jagħtik ħaġa u joħodlok oħra

Li ser nipprova nagħmel huwa li noħroġ dawn ir-realtajiet bil-mod kif naf jiena u napplikahom anki għall-isfidi Ewropej għax ġejjin sfidi kbar min-naħa tal-Ewropa u aħna jrid ikollna l-aħjar nies li jirrappreżentawna fil-Parlament Ewropew.

B’din l-esperjenza kollha, kif taħseb li se tirrappreżenta aħjar liċ-ċittadini Maltin u Għawdxin fil-plenarji u s-sessjonijiet tal-Parlament Ewropew jekk inti tiġi elett?

L-esperjenza tgħin biex inti tkun taf minn fejn għandek tgħaddi. Mela jiena li ħdimt hawnhekk mal-MEPs, innegozzjajt mal-Istati Membri u għalihom fil-Kunsill fejn kont naħdem, fejn kont ħdimt fuq dossiers differenti minn kosmetiċi sal-ġugarelli, sal-vetturi…dawn huma kollha rapporti li ħdimt fuqhom jiena, allura naf kif taħdem is-sistema Ewropea.

Biex tkun MEP tajjeb trid tkun taf tikkomunika

Allura, mhux dawk biss, naħseb li biex tkun MEP tajjeb trid tkun taf tikkomunika wkoll. Dan iridu jkunu n-nies biex jiġġudikaw jek inhiex tajjeb biex nikkomunika u nispjega l-affarijiet. Imma din hija sengħa li ppruvajt nitgħallem ukoll meta kont Kap tal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta u hemmhekk ippruvajt b’passjoni kbira u bid-disponibbiltà u billi niddjaloga mad-diversi setturi tas-soċjetà, inqajjem kuxjenza ta’ din l-għodda kbira li għandna f’idejna.

L-Unjoni Ewropea hija għodda u li rridu nagħmlu bħala Maltin hija li rridu nitgħallmu nużawha aħjar. Huwa possibbli li nużawha aħjar, jekk naħdmu aktar flimkien u naħdmu aktar bil-għaqal.

Inti kandidat għall-elezzjonijiet Eworpej u fl-istess ħin uffiċjal tal-Parlament Ewropew. Ma taħsibx li se tkun f’pożizzjoni ta’ kunflitt ta’ interess?

Iva, irrid noqgħod attent li fejn nagħti oppinjoni personali, nissottolinea li hija oppinjoni personali bħalma qed nagħmel illum.

Niskuża ruħi fejn nagħti l-impressjoni li qed nitkellem għall-istituzzjoni kollha.

Bħala Kandidat qed nitkellem għalija u għall-Partit Nazzjonalista, mhinix nitkellem għall-Parlament Ewropew kollu, u jkun ħażin jekk nagħti dik l-impressjoni. Jiena nerġa’ niskuża ruħi fejn nagħti dik l-impressjoni li qed nitkellem għall-istituzzjoni kollha għax ikun biss min jiġi elett li jitkellem f’isem l-istituzzjoni.