Intervista: “Il-fondi tal-IIP sors ta’ dħul importanti għal Heritage Malta”

Din is-sena fadlilha ftit jiem biex tintemm. F’Ottubru li għadda Noel Zammit inħatar bħala l-Aġent Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta. F’din l-intervista Noel Zammit iħares lejn l-isfidi u l-kisbiet tal-aġenzija matul l-2017, iżda jagħti ħarsa wkoll lejn il-pjani tal-aġenzija għas-sena l-ġdida.
Noel Zammit jitkellem ukoll dwar il-flus tal-iskema ta' bejgħ ta' ċittadinanza li qed tibbenefika minnhom din l-Aġenzija.
Ilek tmexxi lil Heritage Malta fil-kariga ġdida tiegħek għal dawn l-aħħar xahrejn, x’inhuma l-impressjonijiet tiegħek?
Ilni naħdem ma’ din l-Aġenzija għal dawn l-aħħar 13-il sena u għalhekk meta dħalt għall-kariga l-ġdida kont ippreparat għall-impenn li ġġib magħha kariga bħal din. Fil-fatt biex inkun onest ikkonfermajt dak li stennejt meta żort is-siti għax l-ewwel ħaġa li għamilt wara l-ħatra dort kull sit u uffiċċju sabiex niltaqa’ mal-impjegati kollha. Kull impjegat huwa validu u għandu x’joffri lill-Aġenzija. Naturalment hemm fejn nistgħu niffokaw iktar u dawn ivarjaw mill-istruttura tal-Aġenzija, il-mentalitá u l-prodott u s-servizzi li noffru. Madankollu mhux impossibbli u kapaċi niffaċċjaw l-isfidi. Konvint li b’rieda u bid-direzzjoni t-tajba jirnexxielna naslu fejn nixtiequ.
Qabel ma lħaqt Aġent Kap Eżekuttiv, int kont Head Corporate Services and ICT. Kif kienet l-2017 għal Heritage Malta?
L-2017 kienet sena ta’ sfidi kontinwi għal Heritage Malta. Kienet sena impenjattiva għal pajjiż kollu meta Malta kellha l-Presidenza tal-Unjoni Ewropea – li ġabet sfidi enormi għall-Aġenzija bl-għeluq temporanju ta’ ċertu siti bħall-Palazz tal-Granmastru u Forti Sant’Iermu, żewġ siti popolari; kien hemm il-ftuħ mill-ġdid tal-Ħal Saflieni Hypogeum, sit ieħor ferm popolari; u kellna naraw kif se nlaħħqu man-numru kbir ta’ turisti u trid tara kif se tissodisfa u tlaħħaq mad-domanda ta’ dawn il-klijenti. Din is-sena reġgħet kienet sena rekord fin-numru ta’ viżitaturi minkejja l-fatt li kellna xi siti magħluqin. Apparti minn hekk seba’ mużewijiet jew siti ta’ Heritage Malta ingħataw Ċeritifikat ta’ Eċċellenza minn Tripadvisor filwaqt li t-Tempji ta’ Ħaġar Qim u l-Imnajdra ngħataw it-Travellers Choice Award. Kollox ma’ kollox nistgħu ngħidu li kienet sena tajba ħafna għall-Aġenzija.
Liema taħseb kienu l-akbar kisbiet jew sodisfazzjon għall-Aġenzija matul l-2017?
Kif semmejna kien hemm diversi kisbiet jew suċċessi iżda l-ftuħ wara ristrutturar tal-Hypogeum kif ukoll il-wirja tas-Sejf ta’ de Valette kienu l-aktar tnejn li spikkaw.

Wara diversi snin Heritage Malta rreġistrat profitt. Minbarra fondi Ewropej u dħul ieħor, l-Aġenzija bbenefikat ukoll minn donazzjonijiet mill-iskema tal-IIP. Kemm huma importanti dawn il-fondi biex Heritage Malta tinvesti fil-mużewijiet u l-kollezzjoni nazzjonali?
Il-fondi mill-iskema tal-IIP kienu sors ta’ dħul importanti ħafna matul l-2017. Fil-fatt ħafna proġetti setgħu jsiru grazzi għal dawn il-fondi, fosthom id-dokumentazzjoni tal-Gran Salon fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija, il-proġett tal-qniepen fil-Mużew Marittimu, l-App tal-mobile Gamar li se tiġi mnedija dalwaqt fil-Palazz tal-Inkwiżitur, sistemi varji għall-ħażna tal-kollezzjoni tal-istorja naturali u oħrajn. Ħafna drabi proġetti simili jitwarrbu ftit minħabba prijoritajiet oħrajn iżda grazzi għall-fondi tal-iskema tal-IIP stajna nimplimentaw dawn il-proġetti wkoll.

L-industrija turistika hija waħda mill-pilastri ewlenin fl-ekonomija Maltija. Is-settur turistiku kompla jiżdied sena wara l-oħra. Kuntent bin-numru ta’ viżitaturi fil-mużewijiet u siti ta’ Heritage Malta? U kemm hu l-ammont ta’ viżitaturi fil-mużewijiet u siti tal-Aġenzija?
Ma nistax ngħid li m’inix sodisfatt bin-numru ta’ viżitaturi speċjalment meta kellna numru rekord ta’ viżitaturi. Madankollu meta mqabbel man-numru ta’ turisti li żaru l-pajjiż fl-2017, iż-żieda fin-numru ta’ viżitaturi setgħet kienet akbar. Dan ifisser li seta’ sar aktar min-naħa tagħna, bir-raġunijiet jistgħu jkunu varji. Sa issa nistgħu nqabblu ċ-ċifri sa Novembru, fejn rajna żieda ta’ 10% fuq l-2016, li wkoll kienet sena rekord, u żieda ta’ 15.5% fuq l-2015. Meta wieħed jikkunsidra kollox, ir-riżultat huwa tajjeb u l-pajjiż kollu għandu jkun kburi li iktar minn 1.2 miljun turist żaru u apprezzaw il-wirt storiku u l-passat tagħna.
X’inhuma r-reazzjonijiet tal-viżitaturi dwar il-mużewijiet u s-siti ta’ Heritage Malta? U x’qed tagħmel l-Aġenzija biex iżżid l-interess fis-siti tagħha kif ukoll fil-kollezzjoni nazzjonali?
Il-maġġoranza tar-reazzjonijiet huma pożittivi. Naturalment dan jiddependi mit-turist, kemm bħala gosti kif ukoll karattru, iżda mill-kotba tal-viżitaturi l-maġġoranza tal-klijenti sodisfatti u kuntenti b’dak li noffru.
Heritage Malta ilha għal dawn l-aħħar 10 snin tinvesti biex ittejjeb il-preżentazzjoni tal-wirt kulturali kif ukoll biex ittejjeb l-esperjenza tal-viżitatur bl-introduzzjoni ta’ esperjenzi awdjoviżivi, installazzjonijiet inerattivi, programmi edukattivi, riżorsi fis-siti u titjib fil-faċilitajiet ġenerali. Naturalment l-investiment fil-prodott mhux biżżejjed u l-marketing u inizjattivi huma mportanti ħafna biex tilħaq udjenzi differenti. Dan kien importanti fis-suċċess miksub mill-Aġenzija u b’investimenti fil-marketing u bi programmi varji ta’ attivitajiet ilħaqna swieq u udjenzi ġodda.
L-attivitajiet tematiċi matul din is-sena, bħal All Hallow’s Eve fil-Katakombi ta’ San Pawl, l-Għid tal-Erwieħ fil-Palazz tal-Inkwiżitur, Stejjer tal-Waħx u Misteri fil-Forti Sant’Anġlu, it-tour ta’ Filfla u l-mixjiet storiċi varji nbiegħu kollha sew qabel ma saret l-attivitá. Dan huwa sinjal ċar li l-pubbliku qed jikkonkorri għall-inizjattivi tal-Aġenzija. Proġett importanti ħafna u li kiseb suċċess kien il-Wonders of Malta b’kollaborazzjoni mal-Google  Cultural Institute. Dan il-proġett integra l-mużewijiet u s-siti tagħna mas-servizz tal-Google Street Map u b’hekk kabbar l-aċċessibiltá permezz tat-teknoloġija virtwali. Il-pass li jmiss huwa li napprofittaw minn dan il-prodott u nintroduċuh ukoll fl-iskejjel.
L-Aġenzija imbarkat fuq proġetti ġodda u dejjem tara kif tista’ tkabbar il-kollezzjoni nazzjonali. X’inhuma l-isfidi ewlenin għal 2018 u liema huma l-proġetti ewlenin għas-sena l-ġdida?
L-2018 se tkun sena mimlija sfidi, mhux biss għax matulha l-Belt Valletta se tkun il-Belt Kapitali Ewropea, u għalhekk waħedha biss se ġġib sfidi kbar u nittama li tressaq aktar viżitaturi lejn is-siti tagħna, iżda wkoll għax l-Aġenzija se tniedi proġetti u inizjattivi importanti. Dawn jinkludu l-Mużew tal-Arti, MUŻA, li se jinfetaħ is-sena d-dieħla u se jkun wieħed mill-proġetti ewlenin matul il-V18; se nospitaw il-wirja tal-arti tal-familja Shranz fil-Forti Sant’Iermu kif ukoll se niftħu sala gdida ddedikata lir-Reġimenti Maltin fil-Forti Sant’Iermu, kamra 3D fil-Katakombi ta’ San Pawl, wirja 3D fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija, wirja dwar il-proġett FRAGSUS u iktar… Għandna wkoll kalendarju ta’ attivitajiet ippakkjat – iva, se noffru xi ħaġa għal kulħadd.  Huwa wkoll pjanat li nagħmlu numru ta’ open days aktar milli kellna qatt qabel….
Heritage Malta nediet ukoll diversi skemi u pjani ta’ marketing bil-għan li tiġġenera iktar fondi utli għal konservazzjoni, proġetti u fiż-żamma tas-siti u mużewijiet għal ġenerazzjonijiet preżenti u futuri. Tista’ tiddeskrivi dawn l-iskemi u pjani, u sodisfatt bir-riżultati miksuba? U x’inhuma l-miri għal 2018 f’dak li għandu x’jaqsam fondi?
Heritage Malta qegħda tinvesti f’inizjattivi kummerċjali li kapaċi jiġġeneraw fondi kif ukoll joħolqu modi differenti ta’ interpretazzjoni. Proġett intanġibbli huwa t-Taste of History li jesplora ikliet tematiċi fuq riċerki storiċi. Għall-ewwel darba l-Aġenzija ħadet sehem ukoll f’fieri lokali speċjalizzati bħall-Fiera tat-Tiġijiet fl-MFCC kif ukoll ippromwoviet il-wirt kulturali u storiku Malti barra minn xtutna bħal World Travel Market, avveniment marbut mal-ivvjaġġar. L-Aġenzija għandha kollaborazzjoni tajba wkoll ma’ aġenziji u awtoritajiet oħrajn tal-Gvern bħall-Awtoritá Maltija tat-Turiżmu u entitajiet privati bil-għan li jkun hemm kontinwitá u tkabbir fis-servizzi rispettivi. Din it-tip ta’ sinerġija tkompli tgħin fit-tkattir ta’ inizjattivi rispettivi u l-għan huwa li jkun hemm sors ieħor ta’ dħul finanzjarju.
Finalment x’inhu l-messaġġ tiegħek għall-pubbliku u t-turisti biex iżuru siti u mużewijiet ta’ Heritage Malta?
Sempliċi ejjew u pparteċipaw iktar u kunu fuq alert għal attivitajiet imħejjija għax se jkun hemm xi ħaġa għal kulħadd fl-2018!  Nixtieq ukoll nagħti l-awguri għal Milied hieni u s-sena t-tajba lill-qarrejja kollha!