Mhux korrett li l-Papa ddubita l-eżistenza tal-infern

Il-Vatikan ħareġ stqarrija fejn qal li l-artiklu pubblikat nhar il-Ħamis fil-ġurnal xellugi Taljan “La Repubblica” miktub minn Eugenio Scalfari wara diskussjoni li kellu mal-Papa Franġisku, ma jirriflettix dak li ntqal mill-Papa.
Il-ġurnalista leġġendarju li llum għandu 93 sena, li jistqarr li ma jemminx, riċentement iltaqa’ u tkellem mal-Papa Franġisku u wara, f’artiklu li ppubblika kkwota lill-Papa jiddeskrivi l-ħolqien f’termini ta’ enerġija; jgħid li hu kburi li hu meqjus bħala rivoluzzjonarju u jiddubita mill-eżistenza tal-infern.
Iżda immedjata kienet ir-reazzjoni tal-Uffiċċju Stampa tal-Vatikan, fejn Greg Burke, li jmexxi l-uffiċċju ħareġ stqarrija li fiha ntqal li Scalfari kellu laqgħa privata mal-Papa u ma tah ebda intervista u li l-artiklu tiegħu fejn ikkwota fit-tul lill-Papa “hu frott tar-rikostruzzjoni tal-awtur tal-imsemmija konverżazzjoni fejn kliem il-Papa ma ġewx kwotati testwalment. L-istqarrija wissiet li l-artiklu ta’ Scalfari m’għandux jitqies bħala traskrizzjoni fidila tad-diskors tal-Papa.
Din hi l-ħames darba mill-2013 ‘l hawn li l-Papa ltaqa' u tkellem ma’ Scalfari u kull darba l-Vatikan kellu joħroġ stqarrija wara li l-ġurnalist kiteb dwar il-laqgħat li kellu mal-Papa.
F’din l-aħħar laqgħa Scalfari qal li hu staqsa lill-Papa Franġisku x’jiġri mir-ruħ tal-midinbin u speċifikament jekk dawn jiġux kkastigati u mbagħad fl-artiklu kkwota t-tweġiba tal-Papa hekk: “Ma jiġux ikkastigati. Dawk li jindmu, jinħafru u jidħlu ma’ dawk li jikkontemplaw lil Alla. Dawk li ma jindmux ma jistgħux ikunu maħfura, jisparixxu. M’hemmx infern, li jiġri hu li l-erwieħ midinba jisparixxu”.
Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika jafferma li l-infern jeżisti. “It-tagħlim tal-Knisja jafferma l-eżistenza tal-infern għall-eternità. Immedjatament wara l-mewt l-erwieħ ta’ dawk li jmutu fid-dnub il-mejjet imorru l-infern fejn ibatu mill-kastigi tal-infern ‘nar etern’.
F’diversi okkażjonijiet il-Papa Franġisku nnifsu tkellem dwar l-infern bħala għażla għad-destinazzjoni eterna tal-bniedem, fosthom meta żar Fatima fl-2017. “Il-Madonna avżatna u wissietna dwar stil ta’ ħajja mingħajr Alla jew li jipprofana lil Alla. Din il-ħajja – proposta jew imposta fuqna –tirriskja li twasslana l-infern”.
F’punt ieħor tal-artiklu tiegħu, Scalfari jgħid li staqsa lill-Papa jekk il-mument tal-kreazzjoni kien dak deskritt minn Mikelanġelo fuq is-saqaf tal-Kappella Sistina, jew meta Adam u Eva tkeċċew mill-Ġenna tal-Art
Skont Scalfari dan wassal lill-Papa biex jirrifletti dwar Alla u l-enerġija.
“Il-ħallieq, jiġifieri Alla, ħalaq l-univers kollu u fuq kollox l-enerġija li hi l-istrument li permezz tiegħu l-Mulej ħoloq id-dinja, il-muntanji, l-ibħra, l-istilel, in-natura ħajja kif ukoll l-atomi fid-diversi speċi li n-natura divina ħolqot. L-enerġija splodiet l-univers li jinbidel minn żmien għal żmien. Speċi ġodda jieħdu post dawk li jisparixxu u hu Alla l-ħallieq li jirregola din l-alternanza.
Scalfari qal li l-Papa tkellem ukoll dwar l-importanza tar-reliġjon filwaqt li kkonċeda li “wieħed jista’ jkollu sens reliġjuż bla ma jipprattikah”.
Il-fidi u l-prattika tar-reliġjon huma l-aktar b’saħħithom fin-nies tal-Amerika t’Isfel u ta’ Fuq, fl-Oċeanja u f’żona kbira fl-Afrika li testendi mil-Lvant għall-Punent, skont Papa Franġisku, kiteb Scalfari. Dwar l-Afrika l-Papa qal li dawn hu kontinenet aġitat u ttormentat fejn il-massa ta’ skjavi bit-tbatija tagħhom, joriġinaw u dawn għandhom bżonn għajnuna kbira.
Dwar l-Ewropa Scalfari rrapporta li l-Papa qal: “l-Ewropa hi kontinent li għal sekli sħaħ iġġieled gwerer, rivoluzzjonijiet u mibegħda anke fil-Knisja; imma fl-istess ħin hu l-post fejn ir-reliġjożità laħqet l-ogħla livelli. Għalhekk ħadt l-isem ta’ Franġisku. Hu wieħed mill-akbar eżempji tal-Knisja li hemm bżonn nifhmuh u nimitawh”.
Fl-aħħarnett Scalfari qal lill-Papa li hu dejjem jiddeskrivih bħala “rivoluzzjonarju”. Hu jikkwota din it-tweġiba tal-Papa: ‘Naf u s-sens li bih tgħidu jagħmilli unur”.