Intervista Esklussiva: L-Arċisqof ħerqan li jfiq biex ikompli bil-ħidma fiċ-Ċilì

L-Arċisqof Charles Scicluna qal li jittama li għada filgħaxija jkun jista’ joħroġ mill-isptar fejn ġie operat fiċ-Ċilì, biex imur in-Nunzjatura għall-konvalaxxenza u anke biex ikompli x-xogħol li beda.
F’intervista esklussiva waqt il-programm Follow Up fuq RTK 103FM, Mons. Scicluna stqarr li jinsab ħafna aħjar, wara l-intervent suċċess li sar fuqu lbieraħ, fejn tneħħietlu l-marrara.
Fisser kif se jitwal iż-żmien tal-programm tiegħu fiċ-Ċilì, fejn jinsab biex jaqdi l-missjoni li fdalu l-Papa Franġisku, biex jinvestiga l-allegat abbuż sesswali fil-pajjiż.
B’ton pjuttost umoristiku, l-Arċisqof qal li l-missjoni tiegħu hi li jisma’ lin-nies, “mhux li titla’ mal-ħitan jew mal-ħbula” u għaldaqstant jista’ jattendi għal dawn il-laqgħat, minkejja li r-ritmu mhux se jkun kif ipprogrammat.
Dwar il-kuntatt mal-familja tiegħu, Mons. Scicluna qal li kull meta jkun barra minn Malta jkollu kuntatt ma’ ommu kuljum, u issa din l-esiġenza hija ikbar minħabba ċ-ċirkostanzi.
Oriġinarjament, l-Arċisqof kien se jasal Malta nhar il-Ħadd li ġej, madanakollu, minħabba l-intervent mediku u l-perjodu ta’ konvalaxxenza se jieħu iktar żmien. Irrimarka li għalkemm l-operazzjoni marret tajjeb, kollox jieħu ż-żmien tiegħu.
Mons. Scicluna qal li meta tkun fuq is-sodda jkollok ċans taħseb u tirrifletti u ħass li kellu jikkomunika li fid-dinja kollox huwa frugħa u li l-affarijiet li wieħed għandu jgħożż f’qalbu huma l-paċi tal-qalb, l-imħabba bejnietna, il-maħfra u l-ħniena. Sostna li l-affarijiet l-oħra kollha jgħaddu b’teptipa ta’ għajn.
Ir-ragħaj tal-Knisja f’Malta kellu tislima speċjali għall-morda, għall-anzjani u kull min qiegħed f’ambjent ta’ kura u terapija.
Sellem lill-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech, lill-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona u lill-Vigarju Ġenerali Joseph Galea Curmi tas-sejħa għat-talb lill-poplu Malti u lil tant nies li ppruvaw iwasslulu messaġġi ta’ solidarjetà.
Irringrazzja wkoll lill-President ta’ Malta, lill-Prim Ministru, lill-Kap tal-Oppożizzjoni, lill-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti għall-awgurju tagħhom.