Interruzzjonijiet fl-internet fin-Nofsinhar ta’ Malta tul il-lejl li ġej

Melita Limited ħabbret li llejla se tkun qed tirranġa fibre cable li ġarrab ħsara estensiva aktar kmieni llum minn kuntrattur ta’ parti terza li kien qed iwettaq xogħlijiet fit-toroq fil-Marsa.

Filwaqt li t-tiswijiet ta’ emerġenza diġà saru sabiex tiġi garantita l-kontinwità tas-servizz, il-cable se jissewwa kompletament bejn is-1am u l-5am matul il-lejl li ġej.

Ix-xogħol se jsir f’dan il-ħin sabiex jitnaqqas l-inkonvenjent għan-numru sinifikanti ta’ klijenti fin-nofsinhar ta’ Malta li se jesperjenzaw interruzzjonijiet fis-servizz b’riżultat ta’ dawn ix-xogħlijiet.

Il-klijenti huma mfakkra li t-telefonati ta’ emerġenza lill-112 huma ddisinjati biex jaħdmu mill-mowbajl matul kwalunkwe interruzzjoni tas-servizz.