Interrogaw lill-uffiċjali tal-Enemalta u n-negozjanti bi sħab ma’ Fenech – Azzopardi

Read in English.

Il-Membru Parlamentari Nazzjonalista Jason Azzopardi wera t-tħassib tiegħu hekk kif il-pulizija għadhom ma interrogawx diversi persuni, inkluż in-negozjanti bi sħab ma’ Yorgen Fenech fil-konsorzju tal-Electrogas, uffiċjali tal-Enemalta, u l-eks Ministru Konrad Mizzi.

F’diskors tal-aġġornament tal-Parlament it-Tnejn filgħaxija, Azzopardi insista li mill-2013, l-Enemalta ntużat bħala mezz ta’ korruzzjoni kkordinata li kienet tinvolvi lil Mizzi u uffiċjali pubbliċi oħrajn.

Hu nnota kif l-imħallfin li qed jippresedu l-inkjesta pubblika fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia – fejn hu stess qed jirrappreżenta lill-familja bħala l-avukat tagħha – urew tħassib u xokk meta saru jafu li l-Pulizija ma kinitx ħarset lejn Mizzi wara li kien żvelat li kellu kumpanija sigrieta fil-Panama.

Azzopardi żied jgħid li ma kienx sigriet li l-familja Caruana Galizia kienet tħoss li l-qtil seta’ kien evitat li kieku Malta mxiet bħal pajjiżi oħrajn u investigat b’mod xieraq dak li ħareġ fil-Panama Papers. Qal li minflok, il-pulizija ntalbu ma jinvestigawx din l-azzjoni.

Isemmi ħames persuni li għandhom ikunu interrogati

Azzopardi speċifikament semma ħames persuni li skontu kellhom ikunu interrogati mill-pulizija żmien twil ilu, inkluż Mizzi nniffsu. Minkejja dan hu qal ukoll li Mizzi ma aġixxiex waħdu, imma miegħu kien hemm kompliċi l-eks Prim Ministru Joseph Muscat u oħrajn.

Żewġ persuni ssemmew għall-irwol tagħhom fl-Enemalta, inkluż iċ-chairman kurrenti tal-bord Kevin Chircop. Dan hu responsabbi mill-investiment tal-Enemalta fil-windfarm tal-Montengro. Dan l-aħħar kien żvelat li Fenech għamel miljuni fi profitti fi żmien ftit ġimgħat permezz tal-kumpanija sigrieta 17 Black. Il-persuna l-oħra li semma huwa l-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta Frederick Azzopardi, li f’dak iż-żmien li seħħ dan kollu kien iċ-chairman eżekuttiv tal-Enemalta.

Il-MP semma wkoll żewġ negozjanti Maltin involuti fil-konsorzju tal-Electrogas. Hu semma lil Paul Apap Bologna, li fl-2009 kien kellem lill-Partit Nazzjonalista dwar pjan għal power station simili għall-ftehim li eventwalment laħaq l-Electrogas u l-Kap Eżekuttiv tal-Grupp Gasan, Mark Gasan. Hu qal li dawn iż-żewġ persuni kienu qed iżommu għalihom innifishom fid-dawl tal-arrest ta’ Fenech iżda insista li għandhom ħafna informazzjoni x’jistgħu jgħaddu u għalhekk il-Pulizija għandha tibgħat għalihom.

Azzopardi qal ukoll li l-informazzjoni li ħarġet b’mod pubbliku hija diġà xokkanti fiha nnifisha, imma fadal ħafna aktar informazzjoni li hemm bżonn tinħareġ.

Hu fakkar li r-realtà hi li persuna nqatlet b’riżultat ta’ dan, u li ħafna xorta ħassewhom komdi li jiċċajtaw dwar din it-traġedja. Qal li dan kollu ġej minn klima ta’ impunità li Muscat u ta’ madwaru kkreaw. “Sakemm din il-klima tippersisti, jien u l-kollegi tiegħi se nibqgħu niġġieldu sabiex toħroġ il-verità,” ikkonkluda Azzopardi.