Investigati xi persuni b’rabta mal-isplużjoni ta’ dalgħodu

F'konferenza tal-aħbarijiet li ssejħet illejla mill-Pulizija, ntqal li s'issa għadu mhux konfermat jekk l-isplużjoni li seħħet dalgħodu hijiex każ ta' omiċidju.
Dan għaliex l-apparat tal-isplussiv, jidher li kien imqiegħed fuq ġewwa tal-vettura u mhux imwaħħal mal-parti esterna u allura l-Pulizija ma tista’ teskludi xejn.
Dan il-fattur prinċipali jkompli jikkomplika xi ftit mill-investigazzjoni tal-Pulizija li min-naħa tagħha kkonfermat li r-raġel, missier ta' erbat'itfal kellu diversi każijiet il-Qorti fosthom wieħed pendenti, b'rabta ma' traffikar ta' droga u kuntarbandu ta' sigaretti.
Minkejja dan, il-Pulizija qalet ukoll li ma taf bl-ebda każ ta' theddid fuq il-vittma għax qatt ma saru rapporti simili.
Barra minn dan, trid tkun l-awtopsja li mistennija ssir nhar it-Tnejn li għandha tiddtermina l-identità tal-persuna meta jsiru l-eżamijiet tad-DNA.
Il-Pulizija kkonfermat ukoll, li l-vettura li kienet qed tinstaq mir-raġel fil-ħin tal-inċident, ma kinitx irreġistrata fuq ismu, iżda jidher li kienet okkorrenza komuni li l-vittma kien jagħmel użu mill-karozza.
Mistoqsi minn Newsbook.com.mt fuq kemm hu diffiċli li jiġu solvuti każi simili għal dak ta' dalgħodu, il-Pulizija qalet se tkun qed tagħmel l-almu kollu tagħha biex il-każ jissolva u qed issir investigazzjoni fuq xi persuni bit-tama li jinxteħet iżjed dawl fuq il-każ.
Il-Pulizija appellat lill-pubbliku biex kull min jista' jkollu xi informazzjoni utli, jgħaddiha lilha b'mod kunfidenzjali.