Servizzi aħjar tal-Melita għal min għamel sigħat mingħajrhom

Il-Melita qegħdin jagħtu lill-klijenti tagħhom li kellhom xi problemi bil-konnessjoni għal 8 sigħat nhar it-Tnejn li għadda servizzi aħjar, b’upgrade, għax-xahar id-dieħel.

Ħaddiem għall-Melita kkonferma ma’ Newsbook.com.mt li llum qegħdin jintbagħtu messaġġi lill-klijenti tal-Melita li ġew affettwati minn ħsarat fil-konnessjoni tagħhom li se jkollhom upgrades fis-servizzi tagħhom ix-xahar id-dieħel.

Dan wara li kien hemm diversi lmenti minn klijenti tal-Melita li ma kellhomx konnessjoni, minħabba li nqatgħu xi wajers nhar it-Tnejn li għadda minħabba xogħlijiet fi triq f’Ħal Balzan.

Intant, kelliema għall-kumpanija ċċarat li l-klijenti se jgawdu minn dan il-ġest tal-Melita mill-5 t’Ottubru sal-aħħar tax-xahar. L-offerta hi bbażata fuq is-servizzi kollha offruti bħal tat-televixin u tal-internet, skont dawk li nqatgħu nhar it-Tnejn.

Żiedet li l-problema ħadet lill-Melita numru ta’ sigħat biex isolvuha, u din l-iskema hija ġest ġeneruż min-naħa tal-kumpanija, peress li t-tort ma kienx tagħhom.

19-il lokalità kienet affettwata, fosthom Ħ’Attard, il-Baħrija, Birkirkara, Ħad-Dingli, Ħal Qormi, ir-Rabat, l-Imtarfa, Santa Venera, Siġġiewi, Swatar, u Ħaż-Żebbuġ.

FINAL UPDATE:Our technical team has repaired the affected cable and full service has been restored. We would like to…

Posted by Melita on Monday, September 3, 2018