Interessat li tkun pumpier fl-ajruport?

Ilberaħ kien iċċelebtrat il-Jum Internazzjonali ddedikat lill-pumpiera, l- Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, ħareġ sejħa lil dawk li jixtiequ jingħaqdu mal-kumpanija bħala pumpiera. Wieħed jista’ jidħol hawn sabiex isib l-aktar informazzjoni.

Fi stqarrija l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qal li l-Ajruport jagħmel ċert li s-sikurezza u s-sigurtà huma prijorità assoluta, u t-tim ta’ pumpiera huwa mħarreġ sabiex joffri servizzi li ma jaqtgħux u li jikkontribwixxu għaż-żamma ta’ ambjent sigur madwar it-terminal u fl-ajruport.

Spjega li t-tim tas-servizzi ta’ Salvataġġ u Tifi tan-Nar (RFFS) tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta huwa magħmul minn 35 membru u din il-ħidma tippermetti l-ajruport jopera f’konformità mar-rekwiżiti tas-salvataġġ u l-protezzjoni min-nar tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili.

Żied li l-irwol tal-pumpier fl-Ajruport ivarja minn Kap tat-Tifi tan-Nar u Kap tal-Istazzjon, sa kmandant tal-ekwipaġġ u pumpier. F’dan it-tim hemm uħud mill-membri tat-tim huma ġodda u hemm oħrajn li huma veterani minħabba l-esperjenza li akkumluaw f’dan il-qasam matul is-snin.

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qal li parti kbira mill-jum tal-pumpiera tal-ajruport tkun iddedikata għal taħriġ  biex kull pumpier ikun imħejji emozzjonalment, mentalment u fiżikament sabiex jaqdi dmirijietu b’mod effiċjenti u fil-pront f’każ ta’ emerġenza. Komplew li wieħed mill-obbligi ta’ dan l-ekwipaġġ huwa li jikkontrolla sitwazzjonijiet ta’ emerġenza mill-aktar fis possibbli, biex b’hekk l-impatt fuq l-operat tal-ajruport u l-passiġġieri jkun minimu.

Sabiex jassiguraw sikurezza u sigurtà l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta jinvesti b’mod kontinwu f’inizjattivi ta’ taħriġ, bħall-organizzazzjoni ta’ eżerċizzji ta’ tifi tan-nar. Il-kumpanija għamlet investiment reċenti f’uniformijiet tal-materjal PBI Gold, li se jagħtu protezzjoni aħjar lill-pumpiera waqt xogħolhom, u se tkun qed tinvesti wkoll fi tliet trakkijiet tat-tifi tan-nar tal-ogħla kwalità fiż-żmien medju.