“Intenni s-sapport biex il-Maċedonja ta’ Fuq issir Stat Membru” – Il-PM

DOI - Jason Borg

Read in English.

Il-Prim Ministru (PM) Joseph Muscat reġa’ tenna s-sapport ta’ Malta għall-isforzi tal-Maċedonja ta’ Fuq biex issir parti mill-Unjoni Ewropea (UE). Dan waqt laqgħa f’New York bejnu u bejn il-Prim Ministru tal-Maċedonja ta’ Fuq Zoran Zaev.

Fi stqarrija mingħand il-Gvern, ġie spjegat li huma ddiskutew id-deċizjoni li jrid jagħmel il-Kunsill tal-Ewropa dwar ix-xewqa tal-Maċedonja ta’ Fuq biex issir parti mill-UE.

Il-PM saħaq li speċjalment minħabba l-bidliet li għamel il-pajjiż, huwa jemmen li l-Maċedonja ta’ Fuq għandha ssir parti mill-UE. Iktar kmieni dis-sena, il-pajjiż biddel ismu bl-inkoraġġiment tal-UE. Ukoll, iffirma patt ta’ ħbiberija mal-Bulgarija.

Stati Membri oħra bħal Franza u n-Netherlands qed joqgħodu iżjed lura fis-sapport tagħhom. Id-deċizjoni finali dwar jekk hux se jibda ftehim biex il-Maċedonja ta’ Fuq tidħol fl-UE qiegħda f’idejn mexxejja tal-UE, u mistennija tittieħed f’summit skedata fis-17 u 18 t’Ottubru.