Intefa’ mal-art għax ma riedhomx jeħduh fiċ-ċella

Raġel li qed jiġi akkużat li agredixxa persuna spiċċa mkaxkar fil-kurituri tal-qorti wara li rrifjuta li jimxi lejn iċ-ċella. Ir-raġel li għandu 20 sena u li m’għandux indirizz fiss Malti, tefa’ lilu nnifsu mal-art biex jagħmilha diffiċli għall-pulizija li ppruvaw jeskortawh lejn iċ-ċella.

Hu qal li ma riedx imur il-ħabs u li ried imur lura pajjiżu għax iddejjaq Malta. Hu qal dan waqt li pprova jispjega lill-Maġistrat li hu kien il-vittma u mhux l-agressur. Ir-raġel repetutament irrifjuta l-assistenza ta’ avukat. L-akkużat li hu Sirjan insista li għandu l-provi li kien ir-raġel l-ieħor li agredih u mhux hu.

Hu ċaħad ukoll li għamel xi ħsara fuq il-propjeta ta’ terzi persuni. L-ispettur ikkonferma li kienet se tittieħed azzjoni kontra l-persuna l-oħra wkoll. Hu qal ukoll li l-akkużat għandu lista sħiħa ta’ sentenzi sospiżi mill-qorti, kollha dwar każijiet simili. L-ispettur spjega kif l-akkużat kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest tal-każ l-aktar riċenti.

Il-maġistrat qal lill-akkużat li ma kellux triq oħra ħlief li jmur il-ħabs, speċjalment memta lanqas biss għandu dar fejn jgħix. Ma dan il-kliem, l-akkużat qabad jgħajjat fl-awla u spiċċa eskortat ‘l barra fejn sab xi pulizija jistennewh biex jippruvaw jikkalmawh.

Waqt li kienu se jniżżluh ‘l isfel lejn iċ-ċella, l-akkużat intefa’ mal-art u kellhom ikaxkruh biex idaħħluh fiċ-ċella.