Filmat: Il-kunċert ta’ Andrea Bocelli mid-Duomo ta’ Milan

Andrea Bocelli se jagħti kunċert fil-katidral Duomo ta’ Milan illum il-Ħadd 12 ta’ April li se jintwera dirett fuq is-sit tal-Facebook tiegħu fis-7pm.

Waqt l-imxija tal-coronavirus ħadd ma jista’ jidħol fil-katidral imma saret eċċezzjoni għal Bocelli li se jkun akkumpanjat biss minn Emanuele Vianelli, l-organista tal-istess katidral. Waqt dan il-kunċert mhux se jken hemm udjenza fil-katidral biex jisimgħuh jinterpreta siltiet bħal Ave Maria u Sancta Maria ta’ Mascagni.

Il-kunċert ngħata l-isem ta’ Bocelli: Music for Hope u se jsir f’ħin meta bosta nies  kieku kienu jkunu l-knisja f’pajjiżhom iżda minħabba l-coronavirus dawn ma jistgħux jagħmlu dan.

Andrea Bocelli, li mhux se jieħu flus għall-kunċert, seta’ jagħmel dan il-kunċert bl-għajnuna tal-belt ta’ Milan, il-mexxejja tad-Duomo, ix-Sugar Music, il-Universal Music Group u You Tube.

Giuseppe Sala, is-Sindku ta’ Milan, qal li huma ferħana ħafna li Andrea Bocelli aċċetta l-istedina tagħhom biex jagħmel dan il-kunċert.

“L-Għid ta’ din is-sena se jkun differenti għal kollox għalina,” qal. “Is-serenità li s-soltu jkollna f’dawn il-jiem ittappnet minħabba l-marda ta’ bħalissa, l-iżjed hawn fl-Italja. Ċert li l-vuċi straordinarja ta’ Bocelli se tkun dik it-tgħanniqa li qed inħossu n-nuqqas tagħha din is-sena, vuċi li kapaċi ssaħħan il-qalb ta’ Milan, tal-Italja u tad-dinja.”