“Int l-affarijiet is-sbieħ kollha tad-dinja għalija” – Corazón lil Neville

Neville Refalo & Corazon

Awguri lill-kantant u attur Neville Refalo li llum qed jiċċelebra għeluq it-42 sena tiegħu. Twieled bħal-lum, is-17 ta’ Lulju tal-1978.

Fost il-ħafna messaġġi fuq il-midja soċjali li bdew jaslulu sa minn lejliet dan il-jum kien hemm dak tas-sieħba tiegħu, il-kantanta Corazón Mizzi li ddeskriviet dan il-jum bħala l-anniversarju tal-ġurnata li fiha dik il-qalb ċkejkna bdiet tħabbat: dik l-istess qalb li, maż-żmien, ġiegħlet tħabbat anke lil tagħha.

“Int l-affarijiet is-sbieħ kollha tad-dinja għalija: iż-żahar tal-ward, il-baħar fil-maltemp, l-ispaghetti, tazza nbid kiesħa, nżul ix-xemx, l-ewwel dawl ta’ filgħodu, ir-riħa ta’ karozza ġdida, il-kotba bit-Taljan, l-arja wara l-ewwel xita, il-lożor maħsulin friski, ir-repertorju ta’ Lucio Battisti, is-sintomi kollha tal-kuntentizza,” kompliet tikteb hi.

Ritratt: Facebook/CorazonMizzi

Neville beda l-karriera tiegħu fil-mużika fl-2001 u sal-2007 kien taħt il-ħarsien ta’ Brian Cefai. Bejn l-2000 u l-2003 kien id-Direttur tal-Attard Youth Centre Choir u bejn l-2001 u l-2004 kien jifforma parti mill-Amadeus Chamber Choir.

Attenda kors tad-drama ta’ erba’ snin taħt is-superviżjoni ta’ Mark Doneo u ieħor taħt is-superviżjoni ta’ Jeffrey Abela.

Tħarreġ ukoll fid-drama mal-Masquerade u ħa sehem ukoll fi proġett tal-Unjoni Ewopea bl-isem ta’ Synergy… Ready, Steady, Go! bil-parteċipazzjoni ta’ membri mill-Awstrija, il-Polonja, Franza, Belġju u l-Iżviżżera.

Neville hu kwalifikat fil-mużika u fil-pjanu mir-Royal School of Music ta’ Londra.

Bħala attur rajnieh f’numru ta’ sensiliet bħal Amen, Id-Dar tas-Soru, Solitaire, Miriana Coljerò, It-Tmien Nota, Santa Monika, Xablott, Deja Vù, F’Salib It-Toroq u Vittmi.

Dan kollu minbarra d-diversi produzzjonijiet mużikali u avvenimenti li ttellgħu matul is-snin.

Nawguraw lil Neville l-isbaħ xewqat f’dan il-jum.