“Int il-blata tiegħi” – Gloriana lil ommha Helen

Awguri lill-kantanta Helen Micallef li llum qed tiċċelebra għeluq is-70 tagħha. Hija twieldet f’Birkirkara bħal-lum it-8 ta’ Mejju tal-1950.

Helen kellha bosta messaġġi ta’ awgurji llum fosthom minn bintha Gloriana Arpa Belli, li hia wkoll kantanta. Gloriana ddeskriviet lil ommha bħala r-reġina tagħha, il-blata tagħha u l-ikbar ħabiba tagħha.

Bintha Vanessa rringrazzjatha ta’ kollox waqt li ddeskrivietha bħala omm tal-għaġeb.

It-tifla l-oħra, Mary Louise ukoll awguratilha u esprimiet ix-xewqa li setgħu jiċċelebraw dan il-jum b’mod ferm ikbar u rreferiet għaliha bħala l-ispirazzjoni tagħha.

Helen hija r-raba’ minn tmien aħwa u fost ħutha l-oħra hemm ukoll il-kantant Renato. Ta’ 11-il sena bdiet tieħu sehem fil-festivals taż-Żgħażagħ Ħaddiema Nsara u ta’ 14-il sena ingħaqdet mal-grupp The Links li kien iffurmat minn sitt persuni u kienu jidhru regolarment fuq il-programm tat-televiżjoni The Oscar Lucas Show.

Hija bdiet il-karriera tagħha bħala solista fl-età ta; 16-il sena u sena wara rebħet il-Best Interpretation b’Io di Notte waqt festival ta’ J.B. Cassar.

Ta’ 18-il sena ġiet l-ewwel fil-Malta Song Festival u ta’ 21 sena, fl-1972, intgħażlet biex tkanta ma’ Joe Cutajar il-kanzunetta L-Imħabba fil-Eurovision Song Contest.

Wara li żżewġet irtirat għall-perjodu mill-kant biex tiddedika ħin għall-familja. Helen hija omm Mary Louise, Vanessa u Gloriana. Illum il-ġurnata hija wkoll nanna ta’ tlieta (Matthew, Elaine u Alexandra), kif ukoll hija bużnanna ta’ Thiago.

Nawguraw lil Helen l-isbaħ xewqat f’dan il-jum.