“Int f’għajnejja dejjem tibqa’ Prinċep sbejjaħ ta’ tletin” – Dorothy lil Karl

Awguri lill-kantanta Dorothy Bezzina u r-raġel tagħha Karl Borg li llum qed jiċelebraw it-tielet anniversarju mindu wegħdu mħabbithom lejn xulxin. Huma filfatt iżżewġu bħal-lum l-24 ta’ Ġunju tal-2017.

F’okkażjoni ta’ dan il-jum, Dorothy kitbet poeżija dedikata lil żewġha. Din hija l-poeżija li qed nippubblikaw bil-permess ta’ Dorothy stess.

Niftakarni tifla żgħira
Nogħxa nisma’ ħrejjef sbieħ,
Għax b’xi seħer, ftit maġija,
Kulħadd seta’ jsib xortih.

Bajda Silġ u Ċiklemfusa,
Sbejħa Rieqda u Rapunzel,
Kollha baqgħu jgħixu hienja
Ma’ xi prinċep ġo kastell.

“Kos!” … kont ngħid, jien tgħid xi darba
Għad insib prinċep gustuż,
B’għajnejh blu bħal tal-istampi,
Kalm, ġentili u grazzjuż?

U għalkemm skoprejt li l-ħrejjef
Xejn ma kellhom verità,
Jien smajt minnhom, bqajt nittama,
Sa ma l-ħolm sar realtà!

Tfaċċa l-prinċep tal-istampi,
U mill-ewwel indunajt
Illi ridt ngħix ħajti miegħu,
Kif kont spiss immaġinajt.

Ma stajtx nemmen lil xortija
(Kienu qabżu nofsillej’!)
Meta staqsa u għidtlu “iva!”
Bla ma biss ħsibtha darbtej’.

Flimkien kbirna, immaturajna,
Sirna nafu lil xulxin,
U għax tant bqajna ninħabbu
Iżżewwiġna ta’ tletin.

Il-barkiet tiegħi fl-imħabba
Żgur ma nista’ ngħoddhom qatt,
Naf li tħobbni b’qalbek kollha,
Taf li ħdejk ma joqgħod ħadd.

U għalkemm aktarx, kif jgħidu,
Jgħaddu jiġru jgerrbu s-snin,
Int f’għajnejja dejjem tibqa’
Prinċep sbejjaħ ta’ tletin.

Awguri lil Dorothy u lil Karl f’dan il-jum speċjali.