Insult li l-PM juża l-Covid-19 biex inessi l-għoti tal-art lid-db – Repubblika

Read in English.

L-għaqda Repubblika qed tappella lill-Gvern biex irodd lura lill-poplu l-art li ħa l-Grupp db f’Pembroke u biex il-Pulizija tinvestiga s-suspetti ta’ korruzzjoni. Qalet li huwa insult li l-Prim Ministru Robert Abela juża l-kriżi tal-pandemija tal-coronavirus biex inessi dak li ġara fl-għoti tal-art tal-ITS lill-grupp db.

L-Erbgħa, l-Awditur Ġenerali ppubblika r-rapport tiegħu dwar din l-għotja ta’ art lill-grupp db fejn wera li t-tender ma sarx b’mod regolari. Repubblika tistqarr li r-rapport jgħid li l-art ma kinetx mgħoddija skont il-liġi.

Repubblika staqsiet għaliex il-Prim Ministru baqa’ sieket u ma għamel xejn. Stqarret li bħala għaqda mhux se tħalli lill-PM jaħrab mir-responsabilità tiegħu quddiem dan il-ħmieg.

Il-membri saħqu li se jkomplu jinsistu li din l-art tal-poplu terġa’ tingħata lill-poplu filwaqt li ħeġġew li tinfetaħ inkjesta pubblika biex toħroġ il-verità sħiħa. Dan għaliex spjegaw li ma jistax ikun li tkompli l-logħba tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat u l-eks Ministru Konrad Mizzi li jwaħħu f’xulxin.

Robert Abela jrid jiddeċiedi: jew se jkompli nieżel fil-ħama ta’ qablu jew jagħmel dmiru. Huwa insult lill-poplu jekk jipprova juża l-COVID-19 biex ninsew u ma ninsistux għal dak li huwa tagħna lkoll.


Erba’ fatti skandalużi

Repubblika għamlet lista ta’ erba’ affarijiet li joħorġu mir-rapport u li hi tqis bħala skandalużi:

  • L-Uffiċċju tal-Prim Ministru u l-Ministeru tat-Turiżmu taw rendikonti li ma jaqblux (“conflicting accounts”) lill-Awditur Ġenerali.
  • Kif l-Uffiċċju tal-Prim Ministru (meta kien Joseph Muscat) u l-Ministeru tat-Turiżmu (meta kien Konrad Mizzi) issa qegħdin iwaħħlu f’xulxin.
  • Kif, minkejja l-poteri kbar li għandu, lanqas l-Awditur Ġenerali ma rnexxielu jsib min ħa d-deċiżjoni politika biex jgħaddi din l-art li tiswa miljuni kbar.
  • Kif il-proċess eskluda d-Diviżjoni tal-Propjetà tal-Gvern u lid-Dipartiment tal-Kuntratti kif titlob il-liġi, f’attentat biex jinħeba l-għan veru għal dan il-kuntratt.