Insulentata minħabba fil-parti li tinterpreta

Ritratt: Ivan Borg

Wieħed mill-karattri li bħalissa qed iqajjem ħafna diskussjoni fuq it-televiżjoni lokali bla dubju huwa dak ta’ Erminia fis-sensiela F’Ġieħ l-Imħabba. Din is-sensiela bi produzzjoni ta’ Rewind tixxandar nhar ta’ Tnejn fid-8.50pm fuq TVM.

Il-karattru ta’ Erminia hu ta’ waħda bla skrupli, li mhux l-ewwel darba rajna oħrajn simili fuq it-televiżjoni, speċjalment f’sensiliet ta’ barra.

Iżda għal Francesca Scerri li tinterpreta din il-parti, din il-parti qed twassal biex tesperjenza mumenti mhux tas-soltu hekk kif mhux l-ewwel darba qed tispiċċa insulentata.

Każ partikolari kien meta f’Diċembru, ftit qabel il-Milied, kienet qed tixtri minn ħanut tal-ġugarelli r-rigali għan-neputijiet tagħha meta minn warajha semgħet lil xi ħadd jgħid “ja mara maħmuġa”. Għall-ewwel Francesca ma tatx kas sakemm reġgħet semgħet l-istess kliem u sabet maar kbira fl-età li reġgħet bdeit tinsulentaha.

Ritratt: Ivan Borg

Francesca qaltilna li tal-ħanut stess pruvat tfiehem lil din il-mara li Francesca qiegħda biss tinterpreta parti fis-sensiela, iżda l-mara ma ridietx  tisma’ u spiċċat biex telqet ‘il barra mill-ħanut.

Dan ma kienx l-unika inċident għal Francesca li stqarret ukoll li mhux l-ewwel darba semgħet nies jgħaddulha kummenti bħal “nittiena” meta jkunu għaddejjin minn ħdejha.

Hemm ukoll mumenti meta spiċċat ħassitha skomda tkmur f’ristorant tiekol u jkun hemm xi rġiel jiċċassaw lejha imbagħad ibaxxu rashom jiġru meta jaqilgħu daqqa ta’ minkeb mill-mara jew is-sieħba tagħhom.

Element ieħor huwa li kemm ilha tinterpreta l-karattru ta’ Erminia fis-sensiela F’Ġieħ L-Imħabba bdiet tirrealizza li hemm ukoll nisa li qed iżommu lura milli jkellmuha.

Semmiet ukoll incident meta daħlet f’ħanut u kien hemm tlett irġiel u f’dak il-ħin ħassitha intimidata minħabba fil-ħars u l-kummenti tagħhom.

Ritratt: Ivan Borg

Filwaqt li dawn huma incidenti li seħħew fil-pubbliku, Francesca fetħet ukoll qalbha magħna u qaltilna li anki qed tirċievi bosta messaġġi minn irġeil li hi lanqas biss taf.

Però fattur li jinkwieta l-aktar lil Francesca huwa li mhux l-ewwel darba li qed ikun hemm tfal li jmorru fuqha għax jarfuha.

“Ma nistax nifhem kif il-ġenituri jħalluhom isegwu ċerti programmi,” qalet hi waqt li rrimarkat li s-sensiela F’Ġieħ L-Imħabba hi maħsuba għal udjenza matura u tixxandar f’ħin li tfal ta’ età żgħira suppost ikunu reqdin.

Il-karattru ta’ Erminia fis-sensiela F’Ġieħ L-Imħabba se jkompli jiddomina l-istorja fil-ġimgħat li ġejjin. Francesca hija determinata li tkompli tqaxxar din il-parti għalkemm ukoll issostni li l-ebda attur m’għandu jgħaddi minn dak li hi għaddejja minnu.

“Hemm bżonn li t-telespettaturi jitgħallmu jaċċettaw li dak li qed jaraw fuq it-televiżjoni mhuwiex riflessjoni ta’ dak li l-attur huwa tassew.

Ritratt: Ivan Borg

“Jien u Erminia għandna karattri totalment differenti,” temmet tgħidilna hi.