Instagram iservi ta’ televixin ukoll

Instagram issa jħabbatha ma’ YouTube billi jżid il-limitu ta’ ħin tal-filmati tiegħu minn minuta għal 10 minuti.

Skont ma’ ħabbar Instagram nhar l-Erbgħa li għadda, kontijiet tal-Instagram b’udjenza kbira, se jkunu jistgħu jagħmlu filmati li huma saħansitra siegħa twal.

Dawn il-filmati jkunu aċċessibbli permezz ta’ Instagram stess jew ta’ app ġdida jisimha IGTV, it-televixin tal-Instagram. Il-filmat eventwalment jirrendi lil Facebook, li hi l-kumpanija sid ta’ Instagram, aktar opportunitajiet ta’ riklamar.

Din hi t-tieni darba li Instagram jidher li qed jikkopja lil xi sit soċjali ieħor, wara li ftit ilu, ikkopja l-famużi features minn fuq Snapchat.

Rapporti qalu li l-inizjattiva fit-tisħiħ ta’ Instagram ġejja mill-fatt li Facebook m’għadux jiġbed żgħażagħ daqskemm kien.