Riċerkaturi jinsabu mħassba hekk kif fil-plaċenta ta’ trabi fil-ġuf instabu traċċi ta’ microplastic. Madanakollu s’issa għadu mhux magħruf l-impatt li jista’ jħalli fil-futur tat-tarbija.
Ir-riċerka qed issir mid-Dipartiment tal-Obstetrija u Ġinekoloġija fl-Isptar San Giovanni Calibita Fatebenefratelli f’Ruma.
Probabilment dawn il-partiċelli jispiċċaw ġol-ġuf xħin l-omm tieħu n-nifs. Il-partiċelli nstabu fuq erba’ nisa b’saħħithom li kellhom twelid normali. Il-microplastics kienu żgħar, madwar 0.01mm. Dan ifisser li huma żgħar biżżejjed biex jgħaddu minn ġod-demm.
Ir-riċerkaturi jemmnu li jridu jsiru aktar studji biex jaraw jekk ikunx hemm efett fuq l-immunità minħabba l-preżenza ta’ dawn il-microplastics. L-effett tal-microplastics laħaq kull parti tad-dinja.
Ix-xjenzati jafu li l-bniedem jikkonsma l-microplastics kemm fl-ikel u x-xorb u anke xħin jieħu n-nifs. L-effett ta’ dan fuq il-bniedem għadu mhux magħruf iżda x-xjenzati qalu li jridu jaraw ir-riżultat tal-microplastics l-aktar fuq it-tfal żgħar.
F’Ottubru nstab li trabi li jixorbu l-ħalib tat-tfal ġo fliexken tal-plastik kienu qegħdin jixorbu miljuni ta’ partiċelli kuljum.