Jinstabu madwar 3,600 pazjent fis-Sirja b’sintomi newro-tossiċi

L-Organizazzjoni Medecins Sans Frontiers qalet li fi sptarijiet li qed tagħti appoġġ fis-Sirja instab li madwar 3,600  pazjent li kellhom sintomi newro-tossiċi li minnhom 365 persuna mietu.

L-Organizazzjoni ta’ tobba volontarji qalet li l-pazjenti waslu fi tlett sptarijiet f’parti ta’ Damasku, fil-21 ta’ Awwissu li għadda fejn attivisti tal-Oppożizzjoni allegaw li r-ribelli kienu attakkati b’materjal kemikali.

Iżda Medecins Sans Frontiers ma’ tistax xjentifikament tikkonferma l-użu ta’ armi kimiċi.  Iż-żewġ naħat fil-konflitt, qed jakkużaw lill-xulxin li wżawhom.

Sadanittant, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti ta’ l-Amerika heddew li jkun hemm reazzjoni serja jekk jirriżulta li s-Sirja wżat armi kimiċi.

Jidher li kemm il-Prim Ministru tar-Renju Unit David Cameron u l-President Amerikan Barack Obama tkellmu bit-telefon għal 40 minuta lbieraħ.  Kelliem għal Uffiċċju ta’ David Cameron f’Downing Street, qal li huma kienu serjament imħassba minn sinjali li qed jiżdiedu li dan kien attakk sinifikanti b’armi kimiċi mwettaq mir-reġim Sirjan.