Instabet f’għadira demm bejn karozza u ħajt

Il-Qorti semgħet kif it-tfajla Olandiża Shannon Mak li nqatlet f’Awwissu li għadda f’Santa Venera, instabet bejn karozza u ħajt f’għadira demm.

Id-dettalji makabri dwar il-każ tal-qtil tagħha ġew żvelati fil-Qorti minn uffiċjal tar-Rapid Intervention Unit li xehed fil-kawża kontra l-eks sieħeb tagħha Jelle Rjipma ta’ 22 sena. Huwa jinsab akkużat bil-qtil tagħha.

Fil-preżenza ta’ missier il-vittma, l-akkużat sostna li mhuwiex ħati ta’ dan il-qtil.

L-uffiċjal tal-Pulizija spjega kif meta nstab il-katavru tagħha fit-3 t’Awwissu li għadda, f’għonq it-tfajla kien hemm daqqa ta’ sikkina min-naħa għall-oħra ta’ wiċċha. Qal li kellha ferita kbira li wasslet sa griżmejha. Hija kellha 30 sena u nstabet quddiem appartament f’Santa Venera.

Ġie spjegat ukoll li fuq Shannon Mak intużat sikkina żgħira bħal dawk li jintużaw fil-kċina kif ukoll mowbajl, li t-tnejn instabu qrib dar fi Triq il-Kbira San Ġużepp.