Jinstabu l-fdalijiet ta’ 34 Nisrani maqtul mill-ISIS

Jumejn qabel il-Milied, l-awtoritajiet tal-Gvern Libjan sabu qabar li fih kien hemm il-fdalijiet ta’ 34 Nisrani mill-Etijopja li kienu nqatlu mill-ISIS fl-2015. Il-katavri se jinqalgħu minn dan il-qabar u jintbagħtu lura lejn l-Etijopja.

Il-qabar instab wara li l-awtoritajiet Libjani kisbu informazzjoni minn membri tal-ISIS li jinsabu arrestati. Il-qabar jinsab f’razzett ħdejn il-belt ta’ Sirte li tinsab mal-baħar u madwar 170 mil bogħod minn Misrata.

L-ISIS kienu ħadu kontroll ta’ Sirte fl-2015, iżda f’Diċembru tas-sena ta’ wara, forzi appoġġjati min-Nazzjonijiet Uniti reġgħu ħadu l-kontroll ta’ din il-belt wara xhur ta’ ġlied li fih inqatlu numru ta’ persuni.

Skont il-gazzetta Libyan Express, f’April tal-2015 kien tpoġġa filmat ta’ propaganda fuq il-midja soċjali li kien juri membri tal-ISIS jisparaw u jaqtgħu l-irjus Insara Etijopiċi qrib xatt il-baħar. L-Insara kienu lebsin ġkieket sofor. Dawn kienu qegħdin ifittxu xogħol bħala emigranti fil-Libja.

Dan il-każ kien seħħ ftit wara li l-ISIS kienu qatlu grupp ta’ aktar minn 20 Insara Kopti li l-qabar tal-massa tagħhom instab f’Ottubru li għadda.

L-ISIS u gruppi terroristiċi oħra għadhom preżenti u attivi fil-Libja u għandhom taħt idejhom il-kontroll ta’ diversi postijiet fil-pajjiż.

F’jum il-Milied, attakk suwiċida twettaq fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Libjan fi Tripli u fih inqatlu tliet persuni u 21 oħra sfaw feruti. Fost il-mejta kien hemm diplomatiku Libjan. L-ISIS ħadu r-responsabbiltà għal dan l-attakk.