Inspire tiċċelebra suċċess, storja u komunità

Ix-xahar li għadda, il-fondazzjoni Inspire ċċelebrat Achievement Day 2017, avveniment fejn ġej mistiedna il-ġenituri, gwardjani, klijenti, impjegati u voluntiera biex jiċċelebraw flimkien is-suċċessi miksuba mill-klijenti ta’ Inspire matul is-sena.
“Is-suċċess tal-klijenti ta’ Inspire mhux faċli tiddefenixxih”, spjega l-Kap Eżekkutiv Antonello Gauci. “Għal xi wħud jista’ jkun li tgħallmu kif ipoġġu dritti, għal oħrajn jista' jkun li tejjbu l-ħiliet tal-qari jew numeriċi. Għal oħrajn jista’ jkun li bdew jitkellmu, anke jekk diġa waslu fl-iskola medja, jew li bdew jieklu ikel solidu”.
“Kull success ħaqqu jiġi ċelebrat, iżda is-suċċess mhux biss rikonoxximent tat-talent u kapaċita, iżda ta’ żvillup personali f’attivitajiet identifikati matul is-sena. Aħna nispiraw li mhux biss ikollna suċċessi personali, iżda li nkunu parti mill-istorja, li nħarsu lura u naraw kemm żvillupat is-soċjeta b’tali mod li tagħti spazju għall-iżvillup ta’ kull persuna”, żied jgħid Antonello.
Il-missjoni tal-Fondazzjoni Inspire hija li tipprova tgħin lil persuni b'diżabilità jiksbu
l-ugwaljanza u l-inklużjoni fis-soċjetà. Dan tagħmlu billi tipprovdi servizzi edukattivi, terapewtiċi u ta’ rikreazzjoni, lill-individwi u familjari tagħhom.