“Insostni li m’għandhomx joħorġu stqarrijiet politiċi mid-DOI” – Hyzler

Read in English.

Il-Ministri m’għandhomx joħorġu stqarrijiet politiċi permezz tad-Dipartiment tal-Informazzjoni (DOI), li huwa dipartiment tal-Gvern. Din il-konklużjoni sostniha għat-tieni darba l-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika. Ir-rapport huwa dwar stqarrija li kienet intbgħatet fil-25 ta’ April, li trattat ċaħda ta’ talba fil-Qorti mill-għaqda Repubblika u kritika tal-avukati tal-istess għaqda.

Din l-istqarrija, li ħarġet minn naħa tal- Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali permezz tad-DOI, kienet ħabbret li l-qorti kostituzzjonali kienet ċaħdet it-talba tal-għaqda tas-soċjetà ċivili Repubblika. Din it-talba kienet biex tiġi mwaqqfa l-ħatra ta’ tliet imħallfin u tliet maġistrati, u li l-ħatriet kienu saru fl-istess ġurnata ta’ din id-deċiżjoni tal-qorti.

L-istqarrija kkritikat ukoll lill-avukati ta’ Repubblika, Simon Busuttil u Jason Azzopardi, talli ppruvaw iwaqqfu dawn il-ħatriet. Dan minkejja li skont l-istqarrija, kienu se jsiru skont il-metodu tal-ħatra fil-Kostituzzjoni li ż-żewġ avukati kienu vvutaw favurih xi sentejn qabel.

Il-Kumissarju George Hyzler ikkonkluda li l-istqarrija ma kisritx il-Kodiċi ta’ Etika għall-Ministru u s-Segretarji Parlamentari. Però, qal li kien ikun iżjed xieraq kieku l-Ministru Bonnici ħalla barra l-kummenti dwar l-avukati ta’ Repubblika.

Aqra: Hyzler jgħid li Ministri m’għandhomx joħorġu stqarrijiet personali permezz tad-DOI

Hyzler fakkar li diġà kien indirizza l-użu tad-DOI minn ministri f’rapport preċedenti. F’dak ir-rapport, il-Kummissarju jasal għall-konklużjoni li l-istqarrija għall-istampa kienet tittratta dwar kwistjoni politika li toħroġ mill-interessi personali tal- Ministru Mizzi.