​“Insibu €100,000 għal tinda li ma ntużatx, iżda mhux għall-Pulizija”

L-Ispettur Frank Sammut qal li jiddispjaċih meta jaħseb kif fiċ-CHOGM instabu €100,000 għal tinda li ma ntużatx, iżda imbagħad ma jinstabux €75,000 f’arretrati dovuti lil 120 uffiċjali tal-Pulizija li ħadmu ħinijiet twal. Huwa qal dan b’rabta mal-kwistjoni tas-sigħat żejda maħduma mill-Korp tal-Pulizija waqt iċ-CHOGM u l-Valletta Summit 2015, u li s’issa għadhom ma tħallsux għalihom.
Meta kien qed jitkellem fil-programm “Ma’ Bundy” fuq RTK ilbieraħ, l-Ispettur Sammut qal li l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Pulizija ma tifhmix kif konsulent li huwa wkoll membru tal-Korp tal-Pulizja, irrikmanda li l-uffiċjali tal-Pulizija ma jitħallsux għax-xogħol li wettqu.
Semma wkoll kif il-Gvern sab €80,000 għall-bejjiegħa tal-monti, iżda imbagħad għall-Pulizija ma hemmx fondi.
Tkellem dwar il-kundizzjonijiet li ħadmu fihom il-Pulizija fi żmien iċ-CHOGM fejn semma li dawn kienu stazzjonati fl-għelieqi. Spjega li kien biss bl-intervent tal-Assoċjazzjoni li ntramaw tined għall-Pulizija, u li minħabba nuqqas ta’ fondi, l-Assoċjazzjoni kellha toħroġ €750 minn butha biex il-Pulizija jkunu jistgħu jistkennu f’tliet tined żgħar.
L-ispettur Sammut kompla jgħid li kieku ma kienx għall-intervent tal-Assoċjazzjoni, waqt iċ-CHOGM il-Pulizija f’Ħal Ferħ kienu se jorqdu fuq sodod tal-immigranti irregolari. Semma kif l-istess uffiċjali kienu se jużaw 22 doċċa bejn 400 persuna. Qal li wara l-intervent tagħha, l-ebda uffiċjal ma raqad f’Ħal Ferħ.
Dwar il-moral fil-Korp tal-Pulizija, qal li dan huwa fl-iktar livell baxx u għalhekk uħud mill-Pulizija mhux qed jagħtu l-aħjar tagħhom. Jemmen li l-Pulizija huma imdejjqin ħafna fosthom anke bit-tibdil kollu li ġabu magħhom erba’ kummissarji differenti fi żmien qasir. Semma kif il-Korp għandu jħaddan policy ċentrali waħdanija, li magħha jimxi kull Kummissarju.
Appella lill-Ministru tal-Intern biex jippublika r-riżultati ta’ stħarriġ li sar fost il-membri tal-Korp tal-Pulizija dwar il-livell ta’ sodisfazzjon fuq il-post tax-xogħol tagħhom.