Insib illegali permezz ta’ trabokki taħt l-ilma għall-għasafar tal-ilma

Read in English.

Minn spezzjonijiet li saru mill-kumitat kontra l-Qtil tal-Għasafar CABS jirriżulta li qed jsir insib illegali tal-ispeċi ta’ għasafar tal-ilma magħrufa bħala l-Pispisella u ċ-Ċewċewwa.

Fi stqarrija il-CABS qalet li l-voluntiera tagħha identifikaw sit fis-Siġġiewi mgħammra bi trabokki taħt l-ilma biex jonsbu dawn l-għasafar. Il-voluntiera ta’ CABS identifikaw 8 trabokki kull wieħed mgħammar b’xibka kbira f’għadajjar artifiċjali kif ukoll lixki tal-plastic biex jattiraw l-għasafar.

Nassab inqabad fil-fatt fis-Siġġiewi jwaħħal trabokk f’għadira li għamel fl-għalqa tiegħu.

F’każ ieħor, il-pulizija qed tfittex raġel ta’ 40 sena li kien iffilmjat f’ Ħad-Dingli juża’ trabokk twil 30 metru biex jaqbad l-ispeċi magħrufa bħala Ċewċewwa f’propjeta’ mdawwra b’ħajt. Skont il-CABS, il-pulizija damet madwar siegħa biex tirrispondi għas-sejħa tagħhom u minkejja li r-raġel kien għadu qed jonsob x’ħin wasslu fuq il-post, irnexxilu jaħrab mingħajr ma jinqabad.

Raġel ieħor f’Birżebbuġa ma kienx daqshekk fortunat meta nqabad fil-fatt mill-pulizija waqt li skont l-CABS, il-pulizija qed tinvestiga ħames kazijiet ġodda ta’ insib illeġali f’ Malta u Għawdex.