“Insemmuk spiss fl-ikliet tagħna tal-Ħadd bħala familja” – iben Lino

Lino Grech u ibnu Eric

Fl-okkażjoni tas-seba’ anniversarju mill-mewt ta’ Lino Grech, ibnu Eric, li nafuh minn fuq it-TV minn diversi sensiliet fosthom Simpatiċi, ħalla messaġġ emozzjonanti fuq il-profil tiegħu ta’ Facebook.

“Pa, jiddispjaċini li m’għadekx magħna fil-preżenza, aħna nimmissjawk ħafna, imma xorta nħossukom fostna. Aħna nsemmuk spiss, l-ikliet tal-Ħadd tagħna flimkien bħala familja, il-konversazzjonijiet li ma nistgħux niddeskrivu tagħna, tant sempliċi iżda tant elaborati fl-istess ħin, it-twemmin tiegħek, it-twemmin tiegħi u kif b’xi mod jew ieħor qabbduna. Ir-rabta spiritwali tiegħek mal-Ewkaristija, ir-rabta spiritwali tiegħi fit-talb. Il-gwida tiegħek matul is-snin kienu teżor ta’importanza wara li tlaqtna. Kif tikteb, x’għandek tikteb, għaliex tikteb. Il-paċenzja li għandi, speċjalment f’din il-pandemija, hija eżempju tat-tip ta’ paċenzja tiegħek, matul l-aħħar ftit mumenti ta’ ħajtek, taf li qed titlaq u tagħlaq il-kapitli kollha qabel ma titlaq għajr dik tal- familja, dik li għadha jgħaqqadna miegħek. Dak li int semmejt, ”Sakemm Niltaqgħu mill-Ġdid’” jgħid il-messaġġ ta’ Eric.

Lino Grech twieled f’Tas -Sliema fl-1930. Ta’ sitt snin beda jattendi l-iskola primarja tal-Gvern u wara kompla f’De La Salla College fil-Kottonera, Fl-1949 daħal jaħdem fid-Dipartiment tal-Posta u baqa’ sal-1991. Fl-1958 iżżewweġ lil Frances u kellhom tliet ulied: Joseph, Godwin u Eric.

Fl-1976 kiteb l-ewwel sensiela ta# 30 episodju ta’ F’Baħar Wieħed u fis-snin ta’ wara segwew ħafna aktar fosthom One Star Hotel, Triq Waħda, Il-Familja Grech, Simpatiċi u Ipokriti.

L-aħħar xogħol tiegħu fit-teatru kien L-Ittra filwaqt li l-aħħar xogħol tiegħu li nħadem għat-televiżjoni kien Vittmi.

Lino Grech miet matul il-lejl ta’ bejn l-1 u  t-2 ta’ Diċembru tal-2013.

Strieħ fis-sliem!