Insemmu aktar ismijiet li applikaw għal Kummissarju

Newsbook.com.mt jista’ jiżvela aktar ismijiet ta’ persuni li applikaw biex isiru Kummissarju tal-Pulizija. Dan hekk kif fil-jiem li għaddew komplew għaddejjin l-interviews mal-applikanti.

Sorsi kkonfermaw li Capt. Reuben Lanfranco kif ukoll Paul Debattista ngħaqdu mal-lista ta’ persuni li sa issa kkonfermaw li applikaw. Newsbook.com.mt kien irrapporta li ħames persuni kienu kkonfermaw li applikaw. Dawn kienu, l-eks Spettur tal-Pulizija Mary Muscat, l-investigatur fis-Sezzjoni tal-Immigrazzjoni Frankie Sammut, l-eks President tal-Police Officers Union Sandro Camilleri, l-avukat Herman Mula u l-Assistent Kummissarju Alexandra Mamo.

Reuben Lanfranco jaħdem fil-qasam tal-konsulenza marittima u huwa espert tal-liġi marittima. Għal snin twal huwa kien Kaptan tal-iskwadra marittima tal-Forzi Armati ta’ Malta. Huwa wkoll iċ-Chief Scout tal-Assoċjazzjoni tal-Iscouts f’Malta.

Paul Debattista huwa l-eks Direttur tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Fost persuni oħra li kienu rrappurtati f’gazzetti lokali li applikaw kien hemm Mario Tonna, l-eks Assistent tal-Pulizija li kien irriżenja f’Jannar 2018. Dakinhar kien ġie rrappurtat li Tonna rriżenja wara rapport li għamlet is-sieħba tiegħu, fit-28 ta’ Diċembru 2017, fl-Għassa tal-Pulizija u li fih allegat li reġa’ refa’ jdejh fuqha. Dan ġie rrappurtat ilbieraħ fil-ġurnal In-Nazzjon. Fi Frar tas-sena li għaddiet, Newsbook.com.mt kien irrapporta dwar “każ ta’ vjolenza domestika minn membru tal-Korp fuq is-sieħba tiegħu”, każ li Newsbook.com.mt ikkonferma li dan kien Mario Tonna. Dak iż-żmien, il-Kummissarju tal-Pulizija kien ċaħad li sar xi rapport.

Persuni oħra li qed applikaw għall-irwol ta’ Kummissarju tal-Pulizija kienu l-Kap Eżekuttiv attwali tal-Korp Angelo Gafa, l-Ispetturi Jonathan Ransley u Robert Vella, kif ukoll l-Ispettur Joseph Busuttil u Leo Busuttil li ġej mill-qasam bankarju.

Kif se jinħatar il-Kummissarju li jmiss?

Il-Kummissjoni tas-Servizz Pubbliku bħalissa qed issur l-applikazzjonijiet u tagħżel tnejn minnhom.

Il-Prim Ministru mbagħad iressaq il-preferenza tiegħu l-Parlament, fejn il-kandidat jiġi interrogat mill-Membri Parlamentari u jittieħed vot finali.