Insara u Musulmani fl-Indja jgħinu lill-poplu ta’ Sri Lanka

Il-Kardinal Gracias ta' Bombay Mahmood Madani, jiffirmaw ittra ta' solidarjetà mal-poplu ta' Sri Lanka

“Billi Sri Lanka hi pajjiż qrib tagħna, aħna flimkien irridu noffru għajnuna prattika biex il-vittmi tal-attakki ta’ Ħadd il-Għid jegħlbu din il-kriżi li ħarbtitilhom ħajjithom. Għalhekk se nibgħatu delegazzjoni ta’ livell għoli miż-żewġ komunitajiet reliġjużi tagħna biex jesploraw possibiltajiet ta’ kooperazzjoni u fl-istess waqt noffru l-kondoljanzi sinċieri tagħna lill-poplu ta’ Sri Lanka”.

Din id-dikjarazzjoni hi parti minn stqarrija ffirmata mill-Kardinal Oswald Gracias, Arċisqof ta’ Bombay u President tal-Konferenza Episkopali tal-Indja u Maulana Mahmood Madani, Segretarju Ġenerali tal- Jamiat Ulana-l-Hind, tal-Kunsill tat-Teoloġi Musulmani fl-Indja.

Attakki barbari

L-istqarrija, rappurtata mill-aġenzija tal-aħbarijiet FIDES tgħid li l-Kristjani u l-Musulmani fl-Indja, flimkien jesprimi kundanna qawwija għall-attaki barbari li seħħew fi Sri Lanka.

Iż-żewġ mexxejja reliġjużi żiedu jgħidu li “In-nies u l-gruppi responsabbli għal dan il-massakru huma kontra l-umanità, kontra ċ-ċiviltà u kontra Alla u jirrappreżentaw l-aktar forzi attroċi fid-dinja. Li tassoċja t-terroristi ma’ xi reliġjon hu att sagrilegu.” Huma appellaw lil kulmin jemmen fi kwalunkwe reliġjon “biex jiċħad u jikkundanna lil dawn l-individwi u gruppi barbari” u stiednu lill-Gvern biex ma jħallihomx fis-soċjetà.

Il-messaġġ jinnota li “l-attakki terroristiċi jkunu aktar koroh meta jitwettqu bl-iskuża tar-reliġjon għax barra li jikkaġunaw it-telf ta’ ħajjiet umani, ifarrku l-paċi u l-armonija.  Hu dover ta’ kull mexxej reliġjuż li jieqaf u juża r-riżorsi kollha tiegħu biex iwarrab dan il-ħażen mis-soċjetà”, sostnew il-Kardinal Gracias u Madani.

Għal din ir-raġuni hemm bżonn li “nibqgħu viċin ta’ ħutna l-insara, naqsmu fin-niket tagħhom u nesprimu s-solidarjetà tagħna magħhom”.

Miżuri ta’ prekawzjoni

Huma appellaw lill-Gvern u lill-Pulizija biex ikunu aktar attenti u jieħdu miżuri ta’ prekawzjoni biex ma jħallux gruppi terroristiċi jeqirdu s-soċjetà ċivili. Huma affermaw id-determinazzjoni tagħhom li jkomplu jiġġieldu t-terroriżmu u jaħdmu għall-paċi dinjija u stiednu liċ-ċittadin kollha, ta’ kull twemmin biex jikkollaboraw magħhom fl-isforzi li qed jagħmlu.

L-istqarrija ttemm b’appell “lin-nies kollha ta’ rieda tajba, irrispettivament mir-reliġjon jew razza biex jaħdmu ħalli jsalvaw l-umanità u tinżamm l-armonija u l-paċi”.