Insara li ma jisimgħux il-Kelma t’Alla jsiru injuranti

“Insara li ma jisimgħux bis-serjetà l-Kelma t’Alla, u ħsiebhom biss mid-dehra ta’ barra huma korrotti u idolatri”, qal il-Papa Franġisku. 
Irġiel u nisa injoranti jaħsbu li qed jisimgħu iżda minflok “dejjem jagħmlu tagħhom” u jibdlu l-Kelma t’Alla mal-“kunċett tagħhom tar-realtà”.
“L-injuranti ma jafux jisimgħu. Dan in-nuqqas ta’ smigħ iwassalhom għall-korruzzjoni. Il-Kelma t’Alla ma tidħolx fihom, f’qalbhom m’hemmx post għall-imħabba u fl-aħħar anqas hemm post għal-libertà”, sostna Papa Franġisku waqt omelija fil-Kappella ta’ Santa Marta.
Il-Papa kien qed jirriifletti fuq l-Evanġelju ta’ San Luqa, fejn Kristu jċanfar fariżew li skanta li Kristu ma ħasilx idu qabel l-ikel, kif kienet id-drawwa. “Intom Fariżej li għalkemm taħslu l-kikkra minn barra, minn ġewwa intom mimlija bil-ħażen”, qalilhom Kristu.
Dawk li kkritikaw lil Kristu, bħall-Fariżej fil-Vanġelju, kienu “korrotti mill-vanità, mid-dehra, mis-sbuħija esterjuri”, qal il-Papa. 
L-Insara llum ukoll huma f’riskju li jaħsbu b’dan il-mod li jwassalhom biex isiru “ideoloġi tal-Kristjaneżmu” minflok nies li jsegwu lil Kristu.
L-ideoloġija, żied jgħid Papa Franġisku, tista’ ssir forma ta’ idolatrija li tagħmel lill-Insara skjavi  “għax ikunu bidlu l-verità ta’ Alla f’gidba”.
“Din hi l-injoranza tal-Insara. Hemm Insara injuranti u saċerdoti injuranti. Lil dawn Santu Wistin kien jagħtihom ħasla tajba għax l-injoranza tar-ragħaj hi ta’ ħsara għall-merħla”.
Il-Papa qal li minkejja l-injuranza tagħna wliedu, “Alla hu dejjem fil-bieb iħabbtilna u jistenna għax hu mxennaq għalina. Kristu jibki kif beka fuq Ġerusalemm:  Hu kien imxennaq għall-poplu li kien għażel, li ħabb, imma huma telqu għax kienu injuranti, ippreferew id-dehra, l-idoli u l-ideoloġiji”, qal il-Papa.