Insara jsumu u jitolbu biex ma titwaqqax knisja fiċ-Ċina

Insara għarkubtejhom jitolbu biex tkun salvata l-knisja tagħhom

Min-nhar il-Ħamis li għadda fis-6.00 a.m. insara u qassisin fid-djoċesi ta’ Handan, fiċ-Ċina, bdew jokkupaw il-knisja ta’ Wu Gao Zhang id-distrett ta’ Guan Tao, biex ma jħallux li titwaqqa fuq ordni tal-Gvern.

Il-qassisin ippruvaw ikellmu lill-awtoritajiet imma kien kollu għal xejn. Għalhekk l-insara qed jappellaw lill-insara kollha madwar id-dinja biex isir talb apposta għal dan l-iskop.

Il-knisja ta’ Wu Gao Zhang hi rikonoxxuta uffiċjalment mill-Istat Ċiniż u aktarx li d-deċiżjoni biex din titwaqqaf ġejja mill-fatt li l-binja ma għandhiex il-permessi kollha meġtieġa skont il-liġijiet tal-pajjiż.

Minn meta ftit taż-żmien ilu daħlu fis-seħħ regolamenti ġodda dwar attivitajiet reliġjużi fiċ-Ċina, il-Gvern qed iwaqqa’ bini uffiċjali u mhux uffiċjali li ma għandux il-permessi kollha meħtieġa, bla ma hu jħalli ċans biex jinstabu soluzzjonijiet jew jagħti ċans li jinkisbu l-permessi kollha.

Persekuzjoni

Il-maġġoranza tal-insara jsostnu li din il-persekuzzjoni  mhix kawża diretta tal-Ftehim milħuq bejn is-Santa Sede u ċ-Ċina għalkemm iħossu li dan il-Ftehim jagħti aktar saħħa lill-awtoritajiet tal-Gvern li jgħidu li “għandhom l-appoġġ tal-Vatikan” filwaqt li jżommu silenzju sħiħ meta jieħdu passi bħal dawn.

Insara fid-djoċesi ta’ Handan qalu li l-Gvern ordna t-twaqqiegħ ta’ 40 knisja oħra. Minħabba dawn ir-regolamenti l-ġodda u l-ħtieġa ta’ reġistrazzjoni mill-qassisin u l-Isqfijiet għal Knisja “indipendenti”, ħafna knejjes f’Jiangxi u Fujian huma magħluqa u l-qassisin li ma jiffirmawx ir-reġistrazzjoni qed jitkeċċew.

F’dawn l-aħħar ġimgħat il-knejjes f’Jian u Fizhou, fid-djoċesi ta’ Yujiang kellhom jingħalqu filwaqt li fid-djoċesi ta’ Fuzhou ingħalqu binjiet sagri.