Insara joħorġu mill-knisja wara li saċerdot ikkritika l-Papa

Saċerdot fil-villaġġ żgħir ta’ Montesilvano fl-Italja, intalab mis-superjuri tiegħu biex jieħu vaganza qasira wara li numru ta’ parruċċani telqu l-barra mill-quddiesa għax il-qassis ikkritika b’mod apert lilll-Papa Franġisku.
Rapporti fil-media qalu li l-kongregazzjoni bdiet għajjat “Istħi…istħi” meta Dun Edward Pushparaj qal li l-Papa Franġisku għamel biss deni lill-Knisja Kattolika, waqt omelija fil-quddiesa ta’ Ħadd il-Palm li għall-insara jissimboliżża l-wasla ta’ Kristu f’Ġerusalemm u l-bidu tal-Ġimgħa Mqaddsa li twassal għall-Għid il-Kbir.
Dan l-inċident wassal biex l-Arċisqof Tommaso Valentinetti joffri li jiltaqa’ mal-parruċċani ta’ din il-knisja dedikata lil San Antin ta’ Padova.  Hu qal li jista’ jkun li Fr Edward esaġera xi ftit waqt li kien qed jippreidka.  Il-predikazzjoni hi attivita’ ewlenija tas-saċerdozju.  Hu servizz marbut mal-meditazzjoni fuq l-Evanġelju tal-ġurnata u mal-liturġija u b’ebda mod ma għandu jirrifletti ġudizzji personali, speċjalment meta dawn ma jaqblux mat-tagħlim tal-Papa.
Fl-Omelija tiegħu, Fr Edward li hu Indjan, għamel diversi riferenzi għad-djalogu tal-Papa ma’ nies ta’ reliġjonijiet differenti u b’mod partikolari kkundanna l-fatt li fl-2013 il-Papa ħasel riġlejn mara Musulmana f’ċentru ta’ detenzjoni barra minn Ruma, fl-okkażżjoni ta’ Ħamis ix-Xirka.
Il-parruċċani qalu li dan is-saċerdot ilu jikkritika lilll-Papa Franġisku anke fuq l-eżortazzjoni Amoris Leatitia.
L-Arċisqof Valentinetti qa li jista’ jkun li Fr Edward seta’ kien influwenzat minn ċerti kurrenti klerikalisti u traizzjonalisti li f’xorti tajba, il-Papa Franġisku imur kontrihom. Kompla li jittama li s-sacerdot in kwestjoni hu xi ftit għajjien u għandu bżonn jistirieħ.