Insara jagħlqu knisja famuża f’Ġerusalemm bi protesta kontra t-taxxi

Il-mexxejja tal-Knejjes Insara f’Ġerusalemm iddeċidew li jagħlqu l-Knisja tals-Santu Sepurklu għal numru ta’ sigħat bi protesta kontra pjan tal-Gvern Iżraeljan li jintaxxa l-proprjetajiet tal-Knisja.
Il-knejjes responsabbli għal dan is-sit ħarġu stqarrija konġunta fejn ilmentaw minn kampanja sistematika ta’  abbużi kontrihom, u qabblu dan mal-liġijiet kontra l-Lhud kien kienu joħorġu mill-Ġermanja Nazista.
Il-Knejjes huma rrabjati dwar il-pjan tal-muniċipalità ta’ Ġerusalemm li tintaxxa d-diversi assi li għandhom f’din il-belt u l-possibbiltà ta’ liġi li tesprorpja l-art mibjugħa mill-Knejjes Ortodossi Griegi u dawk Kattoliċi Rumani.
Il-muniċipalità ta' Ġerusalemm qed tinsisti li hi qed tieħu ħsieb il-bżonnijiet tal-Insara u l-libertà reliġjuża tagħhom, iżda “lukandi, swali u negozji ma jistgħux ikunu eżentati mit-taxxi muniċipali sempliċement għax huma proprjetà tal-knejjes”, argumentat.
Għalkemm il-Knisja tas-Santu Sepurklu sservi wkoll bħala l-kwartier ġenerali tal-Patrijarka Grieg Ortodoss ta’ Ġerusalemm, hi amministrata flimkien ma’ numru ta’ denominazzjonijiet Insara oħra, fosthom l-Armeni u l-Kattoliċi, l-Ortodossi Kopti, l-Ortodossi Sirjani.
Il-ħlas tat-taxxi fuq proprjetajiet tal-Knisja f’Iżrael ilu żmien twil għajn ta’ tensjoni bejn il-Knejjes u l-Gvern.
Il-Vatikan u Iżrael ilhom żmien twil għaddejin b’negozjati biex jaslu fi ftehim dwar dan sa mill-1993. 
Kummissjoni Bilaterali bejn iż-żewġ stati ltaqgħet f’Ġunju tas-sena li għaddiet u ż-żewġ naħat esprimew it-tama li n-negozjati li kienu għaddejjin jintemmu fi żmien qasir bl-iffirmar ta’ ftehim bejniethom.