Insara Iranjani kkundannati l-ħabs

Qorti tal-Appell fl-Iran ikkonfermat sentenza ta’ għaxar snin ħabs kontra erba’ Nsara għax “irreklamaw il-Kristjaneżmu Żijonista” u għax għamlu knejjes fid-djar tagħhom.
Pastor Youcef Nadarkhani, Yasser Mossayebzadeh, Saheb Fadaie u Mohammad Reza Omidi kienu avżati mill-Qorti, permezz tal-avukati tagħhom, b’din id-deċiżjoni
L-erba’ rġiel kienu dehru quddiem il-Qorti Rivoluzzjonarja fl-14 ta’ Diċembru li għadda biex jappellaw mis-sentenza li kienet ingħatat mill-Qorti Ordinarja. Kien maħsub li l-eħrex sentenza li setgħu jingħataw kienet ta’ sitt snin ħabs billi l-akkuża oriġinali kienet li “ħadmu kontra s-sigurtà nazzjonali”.
Nadarkhani u Omidi kienu kkundannati wkoll għal sentejn eżilju intern u se jservu din is-sentenza fin-Nofsinhar tal-pajjiż, bogħod ħafna mill-familji tagħhom li jgħixu fil-belt ta’ Rasht li tinsab fit-Tramuntana tal-pajjiż.
Barra minn dan, Omidi, Mossayebzadeh u Fadaie qed jistennew ukoll li jkun deċiż appell ieħor minn sentenza li kienet ingħatat S’Settembru 2016 u li biha kienu kkundannati għal 80 frustata għaliex xorbu nbid ikkonsagrat meta kienu qed jiġu arrestati.
Miles Windsor tal-organizzazzjoni “Middle East Concern” qal li s-sentenzi ta’ ħabs qed ikunu itwal għall-Insara Iranjani. “Filwaqt li l-Insara qed jintbagħtu l-ħabs minħabba l-fidi tagħhom, f’numri kbar, anke t-tul tas-sentenzi kontrihom jidher li f’dawn l-aħħar snin qed jitwal ukoll”.
Il-persekuzzjoni tal-Insara fl-Iran ħafna drabi tinħeba wara akkużi bħal “theddid tas-sigurtà nazzjonali” iżda riċentement żewġ persuni mill-Assirya ntbagħtu għaxar snin ħabs kull wieħed u ieħor 15-il sena ħabs kollha fuq akkużi li xerrdu l-Evanġelju u użaw id-djar tagħhom bħala knejjes, u ieħor weħel 5 snin ħabs oħra fuq allegat dagħa. 
Dan juri li dan l-aħħar l-Iran qed juri fl-apert il-persekuzzjoni kontra l-Insara.