Insara fil-Pakistan inħelsu wara ħames snin

Father Emmanuel ‘Mani’ Yousaf, Direttur tal-Kummissjoni Nazzjonali Ġustizzja u Paċi tal-Pakistan. © Aid to the Church in Need

L-insara fil-Pakistan qed jifirħu u jiċċelebraw sentenza li ngħatat mill-Qorti fil-Pakistan ġimgħa ilu, illiberat 40 raġel, fil-parti l-kbira tagħhom insara, li kienu ntbagħtu l-ħabs għax allegatament kienu nvoluti fit-tħaġġir ta’ żewġ persuni f’Lahore.

Dawn l-irġiel infexxew ikantaw “Alleluia, Praise God” hekk kif il-Qorti ta’ Lahore ordnat li jinħelsu wara li kienu ilhom ħames snin miżmuma l-ħabs.

40 persuna oħra li kienu fuq pleġġ fuq akkużi anqas serji li allegatament seħħew f’Youhanabad, inħelsu wkoll.

Dawn in-nies kollha kienu arrestati mill-pulizija waqt irvellijiet li kienu saru f’Youhanabad wara li kienu splodew żewġ bombi f’żewġ knejjes f’Marzu tal-2015 li fihom kienu mietu 15 il-persuna u aktar minn 70 oħra sfaw feruti.

Fr. Emmanuel Yousaf, f’kumment li ta lill-Organiżazzjoni Pontifiċja Aid to Church in Need ftit siegħat biss wara li ngħatat din is-sentenza, iddeskriva l-emozzjoni kbira li kien hemm fil-Qorti hekk kif l-akkużati bdew jifhmu s-sentenza li lliberathom għax ma kien hemm provi biżżejjed kontrihom.

Hu qal li issa dawn in-nies reġgħu ingħaqdu mal-familji tagħhom għad “din is-sentenza hi aħbar tajba għall-Pakistan”. Madwar il-Pakistan kollu n-nies kienu qed jitolbu kuljum biex il-Qorti tiddeċiedi favur dawn l-irġiel. Dan hu jum kbir għal pajjiżna.

“L-akkużati għaddew minn trawma kbira u issa għall-grazzja t’Alla huma liberi”.

Father Yousaf, Direttur Nazzjonali tal-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi, irringrazzja lil Aid to Church in Need li pprovdew l-għajnuna legali fil-Qrati lil dawn in-nies, liema għajnuna kienet kruċjali biex dawn inħelsu.

L-Organiżazzjoni Pontifiċja, barra mill-ispejjeż legali, sponsorjat il-ħlas tal-iskejjel għall-familji tal-akkużati u tat ukoll rigali tal-Milied u tal-Għid lit-tfal tagħhom.

Hu qal li tnejn mill-akkużati kienu mietu fil-ħabs minħabba trattament ħażin u pressjoni biex jikkonvertu għall-Islam.

Aid to Church in Need wiegħdet li se tkompli tgħin lill-familji tal-akkużati matul din is-sena. Fr Yousaf spjega li l-famiji tal-akkużati kienu qed ibagħti biex ilaħħaqu mal-ispejjeż bażiċi tal-ħajja, billi dawk li kienu l-ħabs kien jaqilgħu l-gġixien tal-familji tagħhom.

Żied jgħid li ħafna minn dawn l-irġiel se jsibuha diffiċli li jibdew mill-ġdid anke għaliex waqt li kienu l-ħabs tilfu diversi membri tal-familja tagħhom.