Inqatel wieħed mis-seminaristi li nħatfu fin-Niġerja

Michael - is-seminarista li nqatel fin-Niġerja

L-Organiżazzjoni Pontifiċja Aid to Church in Need ħabbret li wieħed mis-seminaristi li kienu nħatfu fin-Niġerja fit-8 ta’ Jannar li għadda, fl-istat ta’ Kaduna fin-Niġerja, ġie maqtul.

“B’dispjaċir kbir nixtiequ ninfurmaw li Michael, wieħed mill-erba’ seminaristi maħtufa, inqatel”. Is-seminarista, kien inħataf flimkien ma’ tlieta oħra mis-Seminarju tar-Ragħaj it-Tajjeb li jinsab f’Kakau, fl-istat ta’ Kaduna.

It-tliet seminaristi l-oħra inħelsu fil-jiem li għaddew u Bħalissa qed jingħataw kura medika għall-kundizzjonijiet li għandhom. Aid to Church in Need qalet qalet li d-Direttur tas-Seminarju kien għaraf u rrikonoxxa l-katavru ta’ dan is-seminarista.

L-Arċisqof ta’ Benin, Mons. Augustine Akubeze, li hu l-President tal-Konferenza Episkopali tan-Niġerja, nhar il-Ġimgħa li għadda għamel appell dwar in-nuqqas kbir ta’ sigurta li teżisti fil-pajjiż kollu u s-sitwazzjoni ta’ gravità bla preċedent.

L-Arċisqof spjega li għalkemm is-seminarji kollha fin-Niġerja għandhom ħitan protettivi “dawn mhux biżżejjed biex iwaqqfu l-attakki tal-Boko Haram”, l-estremisti Islamiċi li mill-2009, bl-attakki vjolenti tagħhom ħallew aktar minn 35,000 vittma skont data riċenti maħruġa min-Nazzjonijiet Magħquda.

Il-President tal-Konferenza Episkopali żied jgħid li mhux l-istrutturi kollha għandho cameras tas-sigurtà. “Kieku is-seminarji, il-monasteri u l-kunventi li fihom jgħixu r-reliġjużi, jkollhom cameras tas-sigurtà, dan jista’ jservi biex almenu jkunu identifikati u jinqabdu uħud mit-terroristi.

Sfortunatament ir-riżorsi tal-Knisja fin-Niġerja huma limitati u xi parroċċi saħansitra jkollhom iħallsu biex ikollhom il-protezzjoni tal-pulizija waqt il-Quddies fil-Ħdud.