Aġġornata: 99% ċerti li Jihadi John inqatel

Aġġornata fit-3.00pm:
L-Istati Uniti ma kkonfermatx mingħajr ebda dubju li l-attakk li seħħ f’Raqqa fis-Sirja u li ħalla żewġ vittmi, fil-fatt qatel lil ‘Jihadi John’, jew Mohammed Emwazi.
Imma l-Prim Ministru Ingliż, David Cameron, f’konferenza tal-aħbarijiet f’Downing Street, qal li r-Renju Unit kien qed jaħdem b’mod kontinwu mal-Istati Uniti biex Emwazi jinstab.
Waqt li qal li għad mhemmx iċ-ċertezza tal-100% li l-maqtul kien hu, saħaq li l-operazzjoni militari fuqu kienet kif kellu jkun u li din kienet att ta’ self-defence.
Anke sors militari Amerikan waqaf milli jagħti l-konferma bla dubju imma saħaq li l-Istati Uniti hi 99% ċerta li kien ‘Jihadi John’ il-maqtul fl-operazzjoni tal-Ħamis.
Fil-filmati tal-Istat Iżlamiku, iċ-ċittadin Ingliż deher għall-ewwel darba f’Awwissu tas-sena l-oħra imma ġie identifikat fi Frar.
Minn dakinhar, qagħad attent li ma jħalli ebda traċċa fuq l-internet dwar fejn jinsab. Iżda s-servizzi Ingliżi għamlu minn kollox biex jinterċettaw u jifhmu messaġġi kriptati li setgħu jikxfu fejn kien jinsab.
Hu mifhum li Emwazi daħal fis-Sirja fl-2013 u ngħaqad mal-Istat Iżlamiku iktar tard. 
Iktar kmieni:
Il-forzi tal-Istati Uniti mexxew attakk mill-ajru fuq il-militant Iżlamiku Ingliż magħruf bħala ‘Jihadi John’. Iżda s'issa għad ma hemmx konferma finali li nqatel.
Dan ġie kkonfermat mill-Pentagon stess fejn intqal li Mohammed Emwazi jew inkella kif inhuwa magħruf aħjar ‘Jihadi John’, kien fil-mira tal-aħħar attakk mill-Amerikani f’Raqqa fis-Sirja.
Dan kien jifforma parti mill-ħidma ta’ tfittxija li ilha għaddejja madwar id-dinja għal dan il-militant Iżlamiku, li sar magħruf l-aktar wara li deher f’diversi filmati jaqta’ l-irjus ta’ ostaġġi tal-punent.
L-Istati Uniti għadha ma kkonfermatx jekk Jihadi John inqatilx jew le, iżda qalet li aktar dettalji se jinħarġu skont il-bżonn.
Aġenzija tal-aħbarijiet internazzjonali rrappurtat li ntuża drone f’attakk fuq vettura li huwa maħsub li fiha kien hemm il-militant Iżlamiku.